Saturday, November 30, 2024

Iċ-ċentru lemini jirbaħ b’marġni dejqa fil-Portugal

Aqra wkoll

Il-partit taċ-ċentru lemin tal-Portugal iddikjara rebħa elettorali minima, iżda ftit li xejn għandu ċans li jifforma gvern ta’ maġġoranza. Il-mexxej tal-partit, Alleanza Demokratika, Luís Montenegro qal lill-partitarji tiegħu li l-Portugiżi vvutaw għall-bidla, għalkemm il-marġni tar-rebħa kien inqas minn konvinċenti. 

F’din l-elezzjoni, iż-żewġ partiti ewlenin kisbu madwar 29% tal-voti, bil-partit tal-lemin estrem, Chega, biss jista’ jifraħ bis-suċċess ċar li kiseb.

Ħames snin wara li daħal fix-xena politika Portugiża, il-partit tal-lemin estrem immexxi mill-eks pundit tal-futbol André Ventura kiseb 18% tal-voti u 48 siġġu fil-parlament ta’ 230 siġġu.

Wara dan ir-riżultat elettorali, kummentaturi politiċi jgħidu li l-Portugall qed jiffaċċja l-aktar parlament maqsum minn tmiem id-dittatorjat 50 sena ilu.

Għaxar miljun Portugiż kellhom iċ-ċans li jitfgħu l-vot tagħhom fl-elezzjoni ta’ nhar il-Ħadd, erba’ xhur wara li l-Prim Ministru Soċjalista António Costa rriżenja fost allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, minkejja li hu qatt ma kien suspettat.

Antonio Costa wissa lill-votanti Portugiżi tard nhar il-Ħadd filgħaxija li jistgħu jkunu sejrin għal “rabta possibbli” bejn is-Soċjalisti (PS) u l-Alleanza Demokratika taċ-ċentru-lemin, meta fadal erba’ siġġijiet biss li għad iridu jiġu dikjarati.

Iżda mhux wisq wara, ir-raġel li ħadlu postu bħala mexxej Soċjalista, Pedro Nuno Santos, ikkonċeda t-telfa u ħabbar li l-partit soċjalista li se jmexxi l-oppożizzjoni se jġedded il-partit u jipprova jirkupra lil dawk il-Portugiżi li mhumiex kuntenti bil-partit.

Il-mexxej tal-Alleanza Demokratika, Luís Montenegro qal lill-partitarji li issa kien konvint li l-president tar-repubblika se jagħti liċ-ċentru tal-lemin il-kompitu li jifforma l-gvern li jmiss u li hu kien se jaċċetta l-kariga ta’ prim ministru.

Bil-voti kollha magħduda, minbarra l-erba’ siġġijiet esterni, l-Alleanza Demokratika kisbet 79 siġġu, tnejn aktar mir-rivali Soċjalisti.

Qal li l-votanti għamlu ċari li jridu gvern ġdid, bidla fil-politika u prijorità akbar lid-djalogu bejn il-mexxejja politiċi.

L-eks mexxej taċ-ċentru lemin Luís Marques Mendes qal li qatt ma kien hemm lejl elettorali bħal dan qabel u jaħseb li ser ikun hemm elezzjonijiet ġodda kmieni s-sena d-dieħla.

Kollox kien jidher ferm aktar ċar meta l-exit polls taw liċ-ċentru tal-lemin marġni aktar ċar ta’ rebħa. 

It-turnout tal-votanti kien l-ogħla għal snin, b’66%, minkejja li l-aħħar elezzjonijiet kienu sentejn ilu biss.

Dak li malajr kien evidenti kien li l-partit tal-lemin estrem Chega kien ikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu biex ikun it-tielet forza fil-politika Portugiża. Il-partit ta’ André Ventura kiseb 18% tal-voti, wara kampanja ffukata fuq il-korruzzjoni u l-immigrazzjoni.

Eks-kunsillier taċ-ċentru lemin, Ventura u l-partit tiegħu poġġew it-tamiet tagħhom li jsiru kingmaker, u d-dekrivew ir-riżultat elettorali bħala wieħed assolutament storiku. Huwa ddikjara li issa ntemmet il-ħakma ta’ żewġ partiti fil-Portugall. Chega storikament qabeż il-miljun vot f’din l-elezzjoni.

Luís Montenegro diġà kkundanna lil Andre Ventura, eks kollega tal-partit, bħala senofobiku u razzist u fid-diskors tar-rebħa għamilha ċara li mhux se jagħmel l-ebda ftehim miegħu.

Il-populisti għamlu kisbiet drammatiċi, speċjalment fin-nofsinhar inkluż l-Algarve, iżda marru inqas tajjeb fil-belt kostali tat-Tramuntana ta’ Porto.

Il-Kap ta’ Chega qal li l-partit tiegħu kien lest biex jgħin fil-formazzjoni tal-gvern li jmiss. Iżda minkejja li huwa naqqas xi wħud mill-politiki tiegħu, ftit jidher li hemm ċans li jkollu xi rwol f’dan l-istadju.

Jidher ċar ukoll li ż-żewġ partiti l-kbar mhux se jsibu biżżejjed bażi komuni bejniethom biex jiffurmaw gvern. Dan iħalli liċ-ċentru lemini jħares lejn xhur ta’ gvern ta’ minoranza, bil-kompitu diffiċli li jassigura appoġġ għall-baġit tas-sena d-dieħla f’Ottubru.

Il-Ministru tal-Finanzi Soċjalista Fernando Medina wissa dwar stampa politika ta’ fraġilità kbira u instabbiltà.

Wara snin ta’ staġnar ekonomiku, is-Soċjalisti jistgħu jiftaħru li rritornaw lill-Portugall għal tkabbir ekonomiku ta’ 2.3% is-sena l-oħra, minkejja li t-tbassir għall-2024 huwa inqas.

Madankollu, is-salarji huma baxxi u l-kirjiet qed jogħlew, u dan wassal għal nuqqas ta’ sodisfazzjon miċ-ċentru xellugi.

L-eks kandidat presidenzjali Ana Gomes ssuġġeriet li ħafna votanti fl-Algarve appoġġaw lil Chega minħabba li l-gvern naqas milli jwieġeb għall-problemi tan-nies bħal żidiet fil-prezzijiet u tnaqqis fil-provvisti tal-ilma.

Sport