Saturday, April 27, 2024

Iċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq ma jirnexxilhomx jiskappaw il-Covid-19… Biżgħa ta’ katastrofi umana

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara sentejn sħaħ ta’ pandemija globali ħafna pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jerġgħu jieħdu r-ruħ hekk kif il-virus jidher li qiegħed jiġi kkontrollat u qegħdin jersqu lura għan-normalità. Dan l-avvanz tant mistenni huwa eċċezzjoni għal żewġ pajjiżi kbar – il-Korea ta’ Fuq u ċ-Ċina. Dawn il-pajjiżi huma mifnija b’numru għoli ta’ każijiet ġodda ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19 tant li hemm biżgħa li jitilfu l-kontroll tas-sitwazzjoni b’detriment għall-bqija tad-dinja. 

Il-Korea ta’ Fuq, li huwa maħsub li għandha aktar minn miljun każ ta’ “deni” u aktar minn 50 persuna mejta f’dak li huwa ssuspettat Covid-19, tinsab għarkopptejha wara li għal sentejn sħaħ irnexxielha tiżola ruħha u “tiskappa” l-pandemija. Rapport fuq il-“Financial Times” ġibed l-attenzjoni li minħabba li ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż mhumiex imlaqqma, jista’ jkun il-każ li sseħħ “katastrofi umana”. L-aħħar aħbar li ħarġet dwar kif fil-Korea ta’ Fuq qegħdin jindirizzaw l-imxija hija dik li jagħtu l-parir liċ-ċittadini biex jirrikorru għall-mediċina alternattiva bħala kura kontra l-Covid-19. Kura li skont l-esperti u kif ħafna minna jafu, m’hiex se tkun effettiva f’sintomi qawwija u serji. Fost il-kura alternattiva li qegħdin jirrikorru għaliha huwa gargarizzar ta’ ilma bil-melħ, pilloli ta’ kontra l-uġigħ bħal ibuprofen u amoxicillin, kif ukoll antibjotiċi oħra. 

Dan kollu f’xenarju fejn il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, ma ħax ħsieb li jattrezza lis-settur mediku għall-kura ta’ pazjenti bil-Coronavirus; m’għamilx programm nazzjonali ta’ tilqim kontrih u issa qiegħed jirrifjuta l-għajnuna meħtieġa minn pajjiżi oħra, għajr dak limitat miċ-Ċina. 

Is-sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż, in-nixfa, kif ukoll l-għeluq tal-konfini u lockdowns stretti kellhom impatt enormi fuq l-ekonomija tal-Korea ta’ Fuq u s-sitwazzjoni biex tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa lokali hija tassew imwiera.

Passi estremi ta’ iżolazzjoni li ma sew xejn…

Din is-sitwazzjoni perikoluża hija ta’ kuntrast kbir għall-kontroll ferm riġidu li l-Korea ta’ Fuq żammet biex il-Coronavirus ma jidħolx fil-pajjiż. Estremità minnhom kienet il-qtil ta’ uffiċjal marittimu mill-Korea t’Isfel li pprova jaqsam il-konfini bl-għawm. Kien hawn li l-qawwa navali tal-Korea ta’ Fuq sparatlu u ħarqitu fil-baħar. Dan kollu għax beżgħu li kien infettat bil-Covid-19.

Każ ieħor seħħ ħames xhur ilu fejn grupp ta’ diplomatiċi Russi u l-familji tagħhom ġew imġiegħla joħorġu fuq trolley ta’ stazzjon tal-ferroviji biex ma jkollhomx kuntatt mal-bqija tal-popolazzjoni. Dawn iż-żewġ episodji juru l-estremità li l-mexxej Kim Jong Un ħadem biha meta għalaq il-konfini tal-Korea ta’ Fuq fi Frar tal-2020. L-istrateġija tiegħu kienet li jevita lill-popolazzjoni mhux imlaqqma tiegħu milli jkollha xi tip ta’ kuntatt mal-Covid-19.

Iżda, il-pjan tar-reġim immexxi minn Kim Jong Un falla ftit tal-ġimgħat ilu hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Korea ta’ Fuq ammettew l-ewwel każijiet ta’ infezzjonijiet bil-Coronavirus. Minn dak iż-żmien ‘il hawn dan il-pajjiż kellu madwar żewġ miljuni ta’ infezzjonijiet f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ 25 miljun. Minkejja li n-numru tal-pazjenti kkonfermati li għandhom il-Covid-19 huwa ftit, is-sitwazzjoni hija agħar minn dik li qegħdin jgħidu l-awtoritajiet Nord Koreani. 

Sistema tas-saħħa zoppa

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp negattiv f’pajjiżu, Kim Jong Un ħareġ jattakka lin-nies tiegħu stess b’mod speċjali lill-uffiċjali u ħaddiema fis-settur tas-saħħa. Barra minnhekk, huwa ordna lill-armata biex tibda tqassam il-mediċini. Il-Korea ta’ Fuq hija rrapportata fqira fejn jidħlu servizzi tas-saħħa b’mod partikolari fejn jidħol ittestjar għall-virus. Għaldaqstant, in-numru eżatt ta’ kemm hemm ċittadini morda bil-Covid-19 f’dan il-pajjiż, mhuwiex magħruf eżatt. 

Is-sistema tas-saħħa “zoppa” tal-Korea ta’ Fuq qiegħda tkun ta’ detriment għall-pubbliku, b’mod speċjali l-vulnerabbli, minħabba nuqqas ta’ aċċess għal tilqim u kura statali. Din il-ġimgħa stess, il-President Amerikan Joe Biden, baqa’ bla risposta mill-Korea ta’ Fuq jekk iridux li jibgħatilhom konsenji ta’ tilqim għaċ-ċittadini. 

Ironikament, il-Korea ta’ Fuq, skont ma qal id-Direttur Ġenerali tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyus, qiegħda tirrifjuta provvisti ta’ tilqim, mediċini, testijiet u sostenn tekniku ieħor. Il-lockdowns mal-pajjiż kollu wasslu biex dan il-pajjiż ikompli jinqata’ għalih.

“Nittamaw li l-Korea ta’ Fuq tkun tista’ tibda tforni testijiet, mediċini, apparat u tilqilm meħtieġ biex tilqa’ għal din il-kriżi umanitarja, ekonomika u bijoloġika hekk kif l-imxija qawwija li għandna bħalissa għandna mnejn hija assoċjata mal-varjanti l-ġodda,” sostna Jerome Kim, direttur ġenerali tal-Istitut Internazzjonali tat-Tilqim f’Seoul.

Il-Korea ta’ Fuq hija waħda mill-unika żewġ pajjiżi li ma bdewx programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-Covid-19. Ir-reġim ftaħar u mexxa propaganda ta’ kemm irnexxielu jipproteġi lin-nies tiegħu mill-pandemija u tant irid iżomm l-affarijiet mistura li għadu ma qalx x’kien jew minn fejn faqqgħet din l-imxija. Iżda, Go Myong-hyn, mill-Istitut tal-Istudji Politiċi “Asan” f’Seoul qal wara sentejn il-Korea ta’ Fuq reġgħet bdiet l-attività kummerċjali maċ-Ċina u li x-xahar li għadda nġabret folla kbira ta’ nies f’Pyongyang għal parata militari. Huwa qal li  s-suspett tagħhom huwa li kien f’din l-attività ffollata li nfirex il-virus.

F’rapport mis-CNN, il-Korea ta’ Fuq għandha bżonn ta’ għajnuna urġenti u minnufih. Dan minħabba li “l-popolazzjoni kollha mhiex imlaqqma u l-ammont ta’ mwiet jista’ jkun bla preċedent”.

Miljuni ta’ ħaddiema f’Beijing mitluba jaħdmu mid-dar

Il-Korea ta’ Fuq u ċ-Ċina, kienu adottaw politika ta’ żero Covid u kien irnexxielhom it-tnejn jagħmlu sentejn ħielsa minn dan il-virus. Iċ-Ċina, iżda f’Marzu reġa’ tfaċċalha l-Covid-19 b’konsegwenza li nxtered u l-gvern impona restrizzjonijiet u lockdowns ħorox f’għadd ta’ bliet ewlenin. 

Filmati fuq il-midja soċjali juru t-tbatija tal-poplu Ċiniż waqt dawn il-lockdowns. Kemm l-iżolazzjoni sfurzata, kif ukoll ġuħ ikkawżat nuqqas u restrizzjonijiet fit-tqassim ta’ provvisti tal-ikel, waslu għal protesti u tħabit fuq borom minn gallariji residenzjali. Ħafna raw filmati ta’ nies jittalbu għall-ikel u suldati jippruvaw jikkontrollawhom xi drabi anke bil-forza. Wieħed li mess ħafna qlub kien dak ta’ anzjan Ċiniż li wara li tawh erba’ bananiet, bil-ferħ dan infexx jibki. Din is-sitwazzjoni fiċ-Ċina żgur li mhiex ġusta u ideali fuq il-poplu b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli fosthom anzjani u fqar.

Issa li skont rapporti lokali jidher li n-numru tal-infezzjonijiet ġodda beda jonqos, dawn ir-restrizzjonijiet ta’ mitigazzjoni mistennija jitneħħew ftit ftit. Fil-fatt, il-Ħadd li għadda Shanghai beda jopera parti mis-servizz tat-trasport pubbliku u dan wara xejn inqas minn xahrejn ta’ għeluq assolut. Din l-akbar belt Ċiniża daħlet f’lockdown totali wara li saret l-epiċentru tal-imxija tal-Covid-19.

Miżura oħra li ġiet rilaxxata hija dik f’uħud mill-fabbriki ta’ din il-belt. Wara li l-awtoritajiet raw li naqas ir-riskju f’Shanghai, ir-residenti għandhom permess li joħorġu barra. Erba’ mill-20 subway u xi trasport fit-toroq reġgħu bdew joperaw bil-għan li jkopru vjaġġar bażiku lejn iċ-ċentri urbani. Dawk li jużaw it-trasport pubbliku huma mitluba juru test tal-Covid-19 negattiv meħud sa mhux akatr minn 48 siegħa qabel jivjaġġaw u jrid ikollhom temperatura korporja normali.

Mill-31 ta’ Mejju l-Gvern Ċiniż se jikklassifika żoni fi tliet kategoriji ta’ riskju – dak għoli, medju u baxx. Id-distretti b’10 jew aktar każijiet ġodda ta’ Covid-19 jew infezzjonijiet f’żewġ komunitajiet se jkunu kklassifikati bħala “riskju għoli” mentri żoni b’ebda każijiet ġodda għal mill-inqas 14-il jum se jitniżżlu bħala żoni ta’ riskju baxx. L-inħawi b’riskju medju u dawk b’riskju għoli se jkollhom jidħlu f’lockdown ta’ ġimgħatejn.

Sadanittant, minkejja x-xaqq ta’ dawl ta’ rkupru f’ekonomija diġà milquta, Beijing estenda l-ordni għal miljuni ta’ nies biex jaħdmu mid-dar. Dan bil-għan li ma jinfirix aktar il-Covid-19.

Sport