Il-Ħadd 2 ta’ Frar, jum il-Festa ta’ San Ġwann Bosco, padrun tat-tfal u ż-żgħażagħ, fil-kappella tal-Oratorju Don Bosco, fir-Rabat, Għawdex ġiet iċċelebrata Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija milll-Isqof Mons. Anton Teuma bis-sehem ukoll tal-Chorus Urbanus taħt it-tmexxija Mro. John Galea.
Wara l-quddiesa sar it-tberik tal-pets u annimali domestiċi fi Pjazza Santu Wistin minn Dun Anton Schembri. Fl-istess ħin kien hemm marċ minn banda żgħażagħ fil-foyer tal-Oratorju. Filgħaxija, l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Joseph Curmi, ċċelebra quddiesa għa-żghazagħ bis-sehem il-kor Laudate Pueri taħt it-tmexxija tal-Kan. Ġorġ Frendo.
Fil-5.30 p.m. bdiet ħierġa l-purċissjoni mil-bieb prinċipali tal-Oratorju bl-istatwa ta’ San Ġwann Bosco, xogħol artistiku ta’ Wistin Camilleri. Ħadu sehem f’din tfal u żgħażagħ, past pupils tal-Oratorju, flimkien mat-tfal tal-iskejjel sależjani. Il-purċissjoni kienet mmexxija mill-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u akkumpajata b’daqq ta’ innijiet reliġjużi mill-Banda Ċittadina La Stella. Id-dħul tal-purċissjoni sar b’Barka Sagramentali u bews tar-Relikwa.
Imbagħad, fit-Teatru tal-Oratorju Don Bosco sar kunċert tradizzjonali mill-Gozo Youth Wind Band, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech. Id-dħul għal dan il-kunċert kien b’xejn.