Tuesday, December 31, 2024

Id-Dar tal-Providenza teħtieġ madwar €7 miljun fis-sena … l-appell jibqa’ biex il-poplu jkun ġeneruż anke ma’ din id-Dar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Dar tal-Providenza teħtieġ madwar €7 miljun fis-sena biex tibqa’ tagħti l-appoġġ kollu possibbli lil 115-il persuna b’diżabilità biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u twieġeb għall-bżonnijiet ta’ kull wieħed u waħda minnhom.

Għaldaqstant, id-Dar tal-Providenza torganizza attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bħalma hi l-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-poplu Malti u Għawdxi għalhekk huwa mħeġġeġ biex jgħin lil din id-Dar finanzjarjament ħalli tkompli toffri dawn is-servizzi.

F’intervista ma’ dan is-sit, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef tkellem dwar dak il-Festa ta’ Ġenerożità li se ssir għada taħt it-tinda fil-parkeġġ tal-istess Dar fis-Siġġiewi. Il-maratona se tibda b’quddiesa fid-9.30 a.m. mill-Kappella tad-Dar li se titmexxa mill-Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Wara l-Quddiesa, jittella’ spettaklu ta’ kant taħt it-tinda fejn hemmhekk ikun hemm il-voluntiera jwieġbu t-telefonati tal-pubbliku kif ukoll jilqgħu d-donazzjonijiet. Bħalma sar fl-edizzjonijiet riċenti, il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni bejn l-10.00 a.m. u nofsillejl. 

Waqt il-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar fis-sala prinċipali tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi ser ikun hemm esebiti 109 xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn artisti Maltin u barranin. Dakinhar dawn ix-xogħlijiet se jkunu irkanati online fuq is‑sit elettroniku: belgraviaauctions.com. 

Fl-istess intervista, Fr Micallef jitkellem ukoll dwar kif bdiet din id-Dar u kif huwa jħares lura lejn dawn is-snin ta’ servizz. Huwa stqarr li Mons. Mikiel Azzopardi, li kien qassis qrib ħafna tan-nies kien jitlaqa’ ma’ sitwazzjonjiet fejn persuni b’diżabilità kienu mhux biss moħbija mis-soċjetà imma xi wħud minnhom kienu jgħixu f’ambjenti miżerabbli u inumani għall-aħħar.  

Għaldaqstant nissel fih ix-xewqa li jibni dar li toffri servizzi residenzjali f’Malta fejn persuni b’diżabilità setgħu jsibu ambjent dinjituż fejn jgħixu u li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom.  

Fit-12 ta’ Settembru 1965 kien qasam din ix-xewqa mas-semmiegħa tar-Redifussion waqt il-programm li kien itella’ kull nhar ta’ Ħadd bl-isem: Is-Siegħa tal-Morda u wara l-programm mara marret tistennieh ħdejn id-dar tiegħu fil-Furjana u hekk kif wasal offrietlu Lm100 biex jibda dan il-proġett.  

“Dakinhar ħass li l-Mulej kien inqeda b’din il-mara biex imidd għonqu għax-xogħol li kien jinvolvi dan il-proġett kif fil-fatt għamel u sentejn wara fetaħ Villa Monsinjur Gonzi fis-Siġġiewi fejn fil-11 ta’ Frar 1968 laqa’ l-ewwel tliet residenti.  Fl-1974, fetaħ Villa Papa Giovanni u qabel miet fl-1987 kien lesta wkoll Villa Papa Luciani,” żied jispjega Fr Micallef. 

Qal li fl-1997 id-Dar tal-Providenza fetħet l-ewwel dar residenzjali fis-Siġġiewi bl-isem Żerniq fejn illum jgħixu erba’ persuni, fl-2012 fetħet dar fil-Qawra bl-isem Akkwarell fejn jgħixu tliet persuni, fl-2014 ħadet f’idejha Dar Pirotta f’Birkirkara fejn jgħixu disa’ persuni u fl-2016 feħet dar oħra fiż-Żurrieq fejn jgħixu ħames persuni oħra.

Tul dawn is‑snin id‑Dar offriet residenza permanenti lil 270 persuna b’diżabilità kif ukoll bosta oħra li ġew offruti s‑servizz ta’ respite. Id‑Dar minn sena għal oħra dejjem ħadmet biex ittejjeb dejjem il-kwalità tas-servizzi li toffri, servizzi li jirrispettaw id‑drittijiet u d‑dinjità tar-residenti. 

Mistoqsi x’kien ix-xogħol prinċipali li d-Dar ħadmet fuqu matul din is-sena li waslet biex tintemm, Fr Micallef jgħid li din is-sena, id-Dar kompliet il-proġett ta’ rinovar ta’ erba’ flats f’Villa Papa Giovanni fejn ix-xogħol fuq wieħed minnhom tlesta f’Mejju li għadda u x-xogħol fuq it-tieni wieħed mistenni jkun lest kmieni s-sena d-dieħla. 

Id-Dar kompliet ukoll tinvesti fir‑riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill-impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is‑servizzi tagħha.

Fr Martin Micallef temmjappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex fl-1 ta’ Jannar ikun ġeneruż mad-Dar tal-Providenza biex id-Dar tkompli taqdi l-missjoni tagħha mibnija fuq dawn it-tliet pilastri: ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Il-pubbliku kif jista’ jagħti d-donazzjonijiet tiegħu?

Fuq l-iskrins tal-televiżjoni se jkun hemm in-numri li wieħed jista’ jċempel fuqhom: 

€15 – 51702013, €25 – 51802014, €50 – 51902085, €100 – 51302022 jew b’SMS fuq 50618922 għal donazzjoni ta’ €7.

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad‑Dar tal‑Providenza mal‑banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz tal-BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) fuq 7932 4834.

Għal aktar informazzjoni dwar għoti ta’ donazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.sabihlitaghti.org

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport