Tuesday, May 14, 2024

“Id-deckchairs fl-ebda ħin m’għandhom jokkupaw aktar minn 30 fil-mija taż-żona”

Il-Moviment Graffitti bit-tieni ittra tiegħu lil ħames Ministri rigward is-sitwazzjoni f’Kemmuna

Aqra wkoll

Il-Moviment Graffitti bagħat it-tieni ittra tiegħu lil ħames Ministri li jinkludu lill-Ministru tat-turiżmu Clayton Bartolo, lill-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri, lill-Ministru tal-ambjent Miriam Dalli, lill-Ministru responsabbli mill-artijiet Silvio Schembri u lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi dwar is-sitwazzjoni f’Kemmuna, b’mod partikolari fil-Blue Lagoon. Il-Moviment Graffitti jinnota fl-ittra li ma kien hemm l-ebda tweġiba għall-ewwel ittra li ntbagħtet fis-6 ta’ Ġunju u komplew biex jgħidu li minn dak iż-żmien ‘l hawn is-sitwazzjoni baqgħet waħda kompletament inaċċettabbli.

Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet, il-Moviment Graffitti wissa li lest jerġa’ jieħu azzjoni diretta sabiex jiżgura li Kemmuna titgawda minn kulħadd u jitħares l-ambjent naturali tagħha. Il-Moviment qiegħed jisħaq li s-sitwazzjoni fil-Blue Lagoon hija riżultat tal-fatt li l-bajja saret xibka ta’ kummerċ intensiv. Qalu wkoll li mhumiex biss id-deckchairs li qed jikkawżaw problema, iżda anke l-ammont kbir ta’ dgħajjes li qed jferrgħu mijiet ta’ turisti li bl-aċċess għal numru esaġerat ta’ gabbani qed joħolqu skart u sorbju insostenibbli.

L-ittra tisħaq li għandhom jittieħdu miżuri minnufih sabiex tieqaf il-ħsara li qed issir u sabiex din il-bajja terġa’ tingħata lill-poplu. Dawn il-miżuri huma:

  • Deckchairs u umbrelel jintramaw biss fuq talba ta’ persuna fiżikament preżenti fuq il-post u li fl-ebda ħin m’għandhom jokkupaw iktar minn 30 fil-mija taż-żona kollha tal-Blue Lagoon.
  • Id-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta’ turisti f’salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna.
  • Ikun hemm limitu ta’ żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta’ mużika, fil-Blue Lagoon.
  • Ikun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta’ skart iġġenerat, u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, sabiex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali.

Sport