Fi tmiem Ottubru għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna d-depositi ta’ negozji Maltin u Għawdxin mal-banek lokali qabżu l-figura ta’ €4 biljun. Dan joħroġ minn ċifri ppublikati mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Qabel ġie elett il-Partit Laburista fil-Gvern f’Marzu 2013 l-ammont ta’ depositi tan-negozji kien ilaħħaq €2 biljun. Biex b’hekk fuq medda ta’ ħdax-il sena d-depositi tan-negozji Maltin u Għawdxin irduppjaw, l-istess kif għamlet l-ekomija ta’ pajjiżna. Fl-istess żmien d-depositi tal-familji mal-banek aktar milli rduppjaw, għax żdiedu minn €7.7 biljun għal €17.9 biljun. Li jfisser li għal kull ewro aktar li faddlu n-negozji, l-familji faddlu kważi ħames ewro.
Ta’ min jinnota li d-depositi l-bank tan-negozji żdiedu b’madwar biljun ewro mindu Dr Robert Abela sar Prim Ministru, mentri dawk tal-familji kibru ħames biljun ewro. Fl-aħħar tnax-il xahar kien hemm tkabbir ta’ €371 miljun, jew 10%, fid-depositi tan-negozji u ta’ €1.2 biljun, jew 7%, fid-depositi tal-familji.
Dan l-ammont ta’ tifdil rekord huwa sinjal ta’ kemm il-familji u n-negozji kienu protteti mix-xokkijiet ekonomiċi nternazzjonli grazzi għall-politika tal-Gvern. B’kuntrast fil-kriżi ekonomika tal-2009 id-depositi mal-banek kienu naqsu.
Grazzi għall-ammont qawwi ta’ depositi, l-banek lokali kellhom livell qawwi ta’ likwidita. Dan ibbenefika lill-familji u n-negozji għax il-banek lokali, b’kuntrast għal dawk f’pajjiżi oħrajn għażlu li ma jogħlux ir-rati ta’ mgħax. Biex b’hekk żgħażagħ li sselfu biex jixtru dar iffrankaw eluf kbar. Anke negozji li riedu jinvestu affaċċjaw piżijiet ferm anqas minn dak li ħabbtu wiċċhom magħhom negozji barra minn Malta.
Statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew turi kif iż-żieda perċentwali fl-ammont ta’ flus il-bank tan-negozji Maltin hija t-tieni l-akbar waħda fiż-żona ewro, fl-istess livell ta’ dik f’Ċipru, l-pajjiż bl-aktar żieda. Madwar iż-żona ewro kien hemm żieda kważi ħames darbiet anqas dik f’pajjiżna, fejn fi Franza saħansitra kien hemm tnaqqis.
Intant iċ-ċifri tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindikaw li f’Ottubru entitajiet tal-Gvern kellhom rekord ta’ €1,139 miljun ddepożitati ma’ banek kummerċjali. Dan kien ifisser żieda ta’ €172 miljun, jew 15%. Qabel inbidel il-Gvern fl-2013, l-entitajiet tal-Gvern kellhom €222 miljun biss f’depositi, jew ħames darbiet anqas milli għandhom illum. Dan jindika kemm minkejja l-politika ta’ sostenn ġeneruż min-naħa tal-Gvern, xorta l-qagħda finanzjarja tal-Gvern tjiebet ferm meta mqabbel mas-sitwazzjoni wara l-politika ta’ awsterita mħaddan minn GonziPN.