L-Avukat Charles Mercieca, li qed jidher għal Yorgen Fenech, temm jindirizza lill-ġurati fejn appellalhom sabiex jagħmlu ġustizzja. “Nitlobkom tirritornaw verdett ta’ mhux ħati, hekk Alla jgħinkom,” qal Dr Mercieca.
Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, ilbieraħ daħal fil-50 jum tiegħu. Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Qabel id-Difiża ressqet aktar xhieda, Dr Mercieca fl-indirizz tiegħu, filwaqt li kompla jattakka l-kredibilità ta’ Melvin Theuma, stieden lill-ġurati sabiex jevalwaw il-każ li għandhom quddiemhom.
Huwa jgħid biex il-ġurati jaqbdu l-istess xhur fir-rakkont ta’ Theuma u jpoġġu lil Keith Schembri minflok Yorgen Fenech, u jsostni li b’hekk “tagħmel iżjed sens l-istorja”.
Wara li temm l-indirizz tiegħu, id-Difiża kompliet tressaq aktar xhieda, bl-ewwel xhud fis-seduta tal-bieraħ ikun John Abela, Direttur Ġenerali tas-Servizzi tal-Appoġġ fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Mistoqsi dwar min huma dawk li jiħdlu mill-bieb prinċipali ta’ Kastilja, qal li m’hemmx protokoll speċifiku però ġeneralment huma l-Prim Ministru, il-Kabinett u forsi xi Ambaxxaturi. Jgħid li nies komuni jidħlu mill-bieb fi Triq San Pawl.
Spjega li hekk jaslu n-nies, is-suldat jindikalhom fejn hi r-reception, imbagħad jittieħdu d-dettalji tal-persuna. Abela qal li min ikun mar-reception jinforma lill-uffiċjal minn Kastilja li l-persuna jkun staqsa għalih, filwaqt li tintalab firma.
Wara xehdet ir-rappreżentant mill-Bank BOV Dr Sarah Rausi. Hija ġiet murija dokument li juri l-kard bankarja ta’ Fenech, bix-xhud tikkonferma li verament hi tiegħu.
Intant, wara li tqajjem punt tad-dritt u l-ġurati u x-xhud nħarġu mill-awla, il-prosekuzzjoni qalet li x-xhud trid tikkummenta fuq dokumenti li huma fl-atti u d-Difiża mhux tindikahom fil-list. Saħqet li kellha ċans biex jippreżentaw id-dokumenti, bl-Imħallef tistaqsi dawn fejn huma. L-Avukati Difensuri argumentaw li kienu indikaw dokumenti li se jippreżentaw fix-xhieda tagħhom.
Fid-digriet tagħha, il-Qorti osserva li mil-lista tad-dokumenti ma jirriżultax li d-dokument inkwistjoni kien ġie prodott mid-Difiża. Lanqas ma saret talba biex titressaq din il-prova, la matul il-kumpilazzjoni u wisq anqas quddiem din il-Qorti wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża.
Għaldaqstant, il-Qorti saħqet li d-Difiża ma tistax, f’dan l-istadju, tintroduċi dokumenti ġodda fil-proċeduri. Il-Qorti għalhekk tiċħad it-talba tad-Difiża biex, permezz tax-xhieda mill-BOV, jiġu introdotti dokumenti ġodda li sal-lum ma jinsabux fl-atti.
Wara xehed ir-rappreżentant tal-Electrogras, Chris Frendo. Qal li darba fost oħrajn xi ħadd avżah li kien hemm leak għax kienu qed isiru “key searches”, jgħid li mill-investigazzjoni tagħhom, xi ħadd li jaħdem fl-ICT għamel tfittxijiet ta’ nies u kumpaniji. Jgħid li ġew infurmati fis-27 ta’ Diċembru 2017 u jgħid li ġew infurmati tliet diretturi fosthom Yorgen Fenech.
Wara li ntemmet ix-xhieda ta’ Frendo, id-Difiża infurmat lill-Qorti li ma kellhiex aktar xhieda xi tressaq. Sussegwentement, il-Prosekuzzjoni bdiet bir-rekwiżitorja tagħha, jiġifieri l-indirizz finali tagħha lill-ġurati dwar il-każ.
Fl-indirizz tagħha lill-ġurati, il-Prosekuzzjoni saħqet li huma għandhom jiddeċiedu “bla biża’ jew favur” jekk huwiex minnu li Yorgen Fenech ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Tgħid li l-każ kontra Fenech huwa mibni fuq ix-xhieda ta’ raġel li “għex minn ġewwa” dak li seħħ, il-middleman Melvin Theuma, li beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet minħabba li beża’ għal ħajtu.
Argumentat li fir-recordings Yorgen Fenech “jinstema’ jammetti l-ħtija”. Il-Prosekuzzjoni tagħmel referenza wkoll għal ħlasijiet ta’ ammonti kbar ta’ flus u għal konverżazzjonijiet fuq Signal. Il-Prosekuzzjoni ssostni wkoll li, minħabba d-disprament li kien jinsab fih, Fenech kien allegatament qed jippjana li jaħrab minn Malta.
Il-Prosekuzzjoni nsistiet ukoll li x-xhieda ta’ Melvin Theuma hi kkorroborata mill-evidenza li tressqet matul il-ġuri. Imbagħad irreferiet għal persuni oħra li ssemmew fil-proċess fosthom Keith Schembri u Chris Cardona, bil-Prosekuzzjoni tgħid li quddiem il-ġurati hemm akkużat wieħed – Yorgen Fenech.
“Dan huwa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech u ta’ ħadd iktar,” qalet il-Prosekuzzjoni.
Il-ġuri jkompli.
