Sunday, December 22, 2024

Id-Dinja Diġitali u l-Ħajja

Aqra wkoll

Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Sejrin lejn dinja kompletament diġitali. Jogħġobna jew ma jogħġobniex, fiha jkollna ngħixu. Aktar ma jgħaddi żmien, kull qasam tal-ħajja, qed jiġi dominat minn dan is-settur.

Dan għaliex dan is-settur joffri faċilitajiet aktar miftuħa u aktar mgħaġġla u sew minħabba li l-istrumenti li nużaw fil-ħajja normali huma kollha diġitali. Aspett ieħor hu li dan is-settur qed jolqot tista’ tgħid lil kulħadd, l-aktar it-tfal.

It-tfal ser iqattgħu l-maġġoranza ta’ ħajjiethom f’dan il-qasam. Mhux hekk biss għax diġa’ ħafna minnhom saru jużaw ħafna minn tfulithom jilagħbu bi strumenti diġitali.

Minħabba dawn ir-raġunijiet nifhem li l-iskejjel għandhom ikomplu jżidu tagħlim ta’ dan is-settur lit-tfal mill-bidu tal-edukazzjoni tagħhom mill-ewwel sena. Ma ninsewx li dawn it-tfal saru dominati minn dan is-settur għaliex minn mindu jkunu żgħar qed jużaw din it-teknoloġija.

Settur li ser ikompli jikber u jsir aktar kumpless u b’aktar potenzjal speċjalment illum bl-Intelliġenza Diġitali. Hu minħabba f’hekk li dan is-suġġett għandu jkun jingħaqad mas-setturi bażiċi bħall-Matematika, il-Malti u l-Ingliż biex jingħata aktar importanza.

Dan is-suġġett għandu jgħallem sew kif jaħdem is-settur diġitali imma wkoll l-użu ta’ dan is-settur fis-suġġetti l-oħra. B’hekk it-tfal jidraw jużaw il-potenza ta’ dan is-settur fis-suġġetti l-oħra speċjalment illum meta dan is-settur ġie dominat mill-Intelliġenza Artifiċjali.

Hemm aspett ieħor li wieħed irid jemfażizza fit-tagħlim. Dan hu li din is-saħħa ta’ dan is-settur tista’ tintuża biex ikun hemm abbużi. Minħabba s-saħħa ta’ din it-teknoloġija l-abbużi jistgħu jkunu kbar ħafna. Fil-fatt diġa’ ġew irrappurtati ħafna abbużi kbar f’pajjiżi oħra speċjalment minħabba l-AI.

Jekk it-tfal ikunu mgħallma tajjeb kif għandhom jużaw din it-teknoloġija, huma jitgħallmu wkoll kif jużaw din it-teknoloġija b’mod responsabbli li jħares sew l-interessi tagħhom u anki l-interessi ta’ ħaddieħor.

Għalhekk aktar ma jitilgħu ‘l fuq it-tfal fit-tagħlim, aktar għandha tingħata importanza l-etika. B’hekk mhux biss inħarsu lilhom stess imma wkoll is-soċjeta’.
Jekk nieħdu dan il-pass, inkunu qed inlestu t-tfal tagħna jkunu kunfidenti bit-teknoloġija li ser tkun tiddomina d-dinja li ser jgħixu fiha. Jitgħallmu bil-mod, imma b’mod serju, potenzjal u l-limitazzjonijiet tal-użu ta’ din it-teknoloġija.

Il-Ħajja umanitarja

Semmejt l-użu tat-teknoloġija diġitali. Biss bħal kull teknoloġija oħra, dan hu mezz biex tiżviluppa wkoll il-potenzjal tal-persuna. Irridu niftakru li tiżviluppa kemm tiżviluppa din it-teknoloġija, qatt ma tista’ tissodisfa kompletament il-bżonnijiet tal-bniedem biex jiżviluppa b’mod tajjeb u jitgħallem jiżviluppa l-potenzjal tiegħu biex jgħix ħajja tajba, b’mod kalm u bħala parti mis-soċjeta’.

Mhux talli hekk, imma l-AI tant għandha potenzjal li tista’ ġġib persuna bħala skjava tagħha. Dan il-fatt mhux nies li huma kontra d-dinja diġitali qed jgħiduh, imma nies li huma esperti bħal Dr Bengio, bniedem li għamel mal-40 sena jaħdem fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija.

Hu għalhekk li rridu nderru lin-nies, speċjalment lit-tfal u żgħażagħ, biex filwaqt li jużaw il-potenzjal ta’ din it-teknoloġija, xorta jżommu n-natura tagħhom ta’ bnedmin. Hu b’hekk li din it-teknoloġija tista’ tgħina.

Ekonomija

Sport