Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta jixtieq isellem lill-Prof. Charles Briffa li għadu kemm ħalliena. Dan intqal fi stqarrija, fejn ġie spjegat li għal numru ta’ snin il-Prof. Briffa għallem fid-Dipartiment tal-Malti u mexxa għadd ta’ teżijiet.
Huwa kiteb ukoll kotba fuq il-lingwa, il-lingwistika, l-istorja tal-letteratura Maltija, u l-kritika letterarja, u ħadem fil-qasam tal-lessikografija permezz ta’ dizzjunarji ġenerali u tekniċi, ilkoll xhieda tal-impenn tiegħu fl-istudji tal-Malti u fit-tagħlim, anki permezz tax-xandir pubbliku.
Għal numru ta’ snin il-Prof. Charles Briffa kien President tal-Akkademja tal-Malti u membru attiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li fih sehem kbir fil-kumitati tekniċi u fit-tfassil tad-Deċiżjonijiet 1 u 2.
Il-membri tad-Dipartiment tal-Malti jagħtu l-għomor lil martu Angela, lil uliedu, u lill-familja kollha.