Sunday, November 24, 2024

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh jżuru għadd ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna

Aqra wkoll

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh, il-Prinċep Edward u martu Sophie, akkumpanjati mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żaru għadd ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna.

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh jinsabu f’pajjiżna bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mindu Malta saret indipendenti mill-Ingliżi fl-1964.

Fil-Mużew Marittimu, l-Birgu, li fih sar xogħol estensiv ta’ restawr, tindif, twaqqigħ, rikostruzzjoni u riabilitazzjoni fuq wara tal-mużew, id-Duka u d-Dukessa apprezzw is-sbuħija ta’ dan il-palazz illi jinsab fl-eks Royal Naval Bakery, li nbniet fl-1840s bħala l-forn ewlieni għall-Flotta tal-Mediterran.

Fil-MUŻA, il-Mużew tal-Arti tal-Komunità Nazzjonali ta’ Malta, fil-Belt Valletta, l-koppja rjali raw parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali ta’ Malta, li fiha aktar minn 15,000 xogħol tal-arti u artefatti.

Fil-Forti Sant’Iermu, l-Belt Valletta, d-Duka u d-Dukessa żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra. Dan il-muzew jinkludi artefatti notevoli bħala premju lil Malta u l-Maltin għall-gallanzija, il-George Cross.

Il-Koppja Rjali inawgurat ukoll il-Passaġġ tas-Submarine. Dan kien maħluq minn Heritage Malta biex jikkommemora s-submarinesi li kienu bbażati jew marbuta ma’ Malta u li ntilfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-koppja rjali żaru wkoll Villa Guardamangia. Din iż-żjara kellha sinifikat emottiv u personali għad-Duka u d-Dukessa hekk kif f’din d-dar, bejn l-1949 u l-1951, għexet fiha l-Prinċipessa Elizabetta li eventwalment saret ir-Regina tar-Renju Unit. Il-Prinċep Edward huwa ħu r-Re Karlu III u l-iżgħar wild tar-Reġina Eliżabetta II u l-Prinċep Filippu.

Żjara oħra saret fil-Biblijoteka Nazzjonali, li tinsab fiċ-ċentru tal-Belt Valletta, u li quddiema jinsab il-bust tar-Regina Vittorja, n-bużnanna tal-Prinċep Edward. Il-Librerija Nazzjonali hija waħda mit-teżori ewlenin tal-Gżejjer Maltin, li tippreserva l-memorja tan-nazzjon b’kollezzjonijiet li jkopru s-sekli minn żminijiet medjevali sal-era diġitali.

Il-Ministru Owen Bonnici wera l-apprezzament tiegħu għaż-żjara tal-koppja rjali f’pajjiżna u l-interess taghhom fil-wirt nazzjonali ta’ Malta. Il-Ministru Bonnici qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit minn dejjem kienu intimi u specjali u komplew jissaħħu matul is-snin.

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi qal kif l-indipendenza ta’ pajjiżna ma fissritx it-tmiem tal-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi iżda saħħet l-apprezzament taż-żewġ stati fis-sovranita’ ta’ xulxin u l-irwol importanti taż-żewġ pajjiżi kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-Mediterran.

Sport