Saturday, December 21, 2024

Ikkundannat 9 xhur ħabs sospiżi wara li sawwat lil martu b’wajer quddiem it-tifel

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena mill-Mosta li ismu ma jistax jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-mara u anke tat-tifel ġie kkundattat 9 xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li sawwat lil martu b’wajer ma’ plakka u dan kollu seħħ quddiem binhom ta’ 7 snin.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar qalet fil-Qorti li l-każ seħħ fl-24 ta’ Frar ta’ sentejn ilu fid-dar tal-ġenituri tal-vittma. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li ħebb għal martu li heddidha u li kkaġunalha ġrieħi gravi.

Il-mara xehdet f’dawn il-proċeduri quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn qalet li hi kienet rieqda meta f’daqqa waħda semgħet ħġieġ jiktisser u meta niżlet isfel rat lir-raġel jitfa’ ħafna affarijiet mal-art.

Kompliet tixhed li żewġha tela’ fuq biex iqajjem lit-tifel filwaqt li lilha imbuttaha fuq sufan u beda jagħtiha b’wajer bi plakka quddiem binhom li kien qed jitriegħed bil-biża’. Hekk kif irnexxielha tqum mill-ewwel ċemplet lill-Pulizija li marru jarrestawh.

Il-vittma xehdet li hija ma kinitx sodisfatta bir-relazzjoni sesswali li kellha ma’ żewġha, iżda minkejja dan ċaħdet li kellha relazzjoni adultera ma’ rġiel oħra.

Xhud ieħor f’dawn il-proċeduri kien missier il-vittma fejn qal li kien qiegħed jara t-televixin isfel meta ra lir-raġel ta’ bintu jiftaħ il-friġġ u jixħet l-affarijiet mal-art. Xehed li hu rah jaqla’ l-plakka tal-friġġ minn mal-ħajt, jitla’ fuq u beda jisma’ lil bintu twerżaq u raha bi ġrieħi f’wiċċha.

Ir-raġel wara li ġie arrestat kien ta stqarrija lill-pulizija fejn qal li 3 ġimgħat qabel ma seħħ l-inċident kien irċieva ittra mingħand l-avukat tal-mara li ridet tibda separazzjoni. Kien stqarr li riedet tibda dawn il-proċeduri għax kienet f’relazzjoni ma’ raġel ieħor u li anke t-tifel kien qallu li kien jiġi xi ħadd biex jiltaqa’ mal-mara.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat qalet li kienet qiegħda temmen il-verżjoni tal-mara u qalet li ma tista’ qatt taċċetta li dan l-inċident seħħ wara li r-raġel kien provokat mill-infedeltà tal-mara liema infedeltà qatt ma ġiet ippruvata fil-Qorti.

Kien għalhekk li sabet lir-raġel ħati li ħebb għal martu u li kkaġunalha ġrieħi gravi.

Minbarra l-piena ta’ ħabs sospiża l-Qorti ordnat lir-raġel biex jieħu trattament psikoloġiku u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sena biex tipproteġi lill-mara.

Ekonomija

Sport