Monday, December 2, 2024

Il-Bank of Valletta jappoġġja l-istaġun operistiku Għawdxi 2024

Aqra wkoll

Fis-sena li fiha qed jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Bank of Valletta, il-Bank ġedded l-appoġġ tiegħu għall-istaġun operistiku ta’ Għawdex bil-produzzjoni tal-Opri Il Trittico ta’ Giacomo Puccini u Giovanna d’Arco ta’ Giuseppe Verdi. Dawn il-produzzjonijiet jirriflettu l-patrimonju kulturali rikk t’Għawdex u d-dedikazzjoni tal-BOV li jindokra l-arti u l-kultura madwar Malta u Għawdex.

It-Teatru Awrora tella’ Il Trittico f’dik li serviet bħala ċelebrazzjoni tal-100 sena mill-mewt ta’ Puccini, bi tliet opri b’att wieħed: Il Tabarro, Suor Angelica, u Gianni Schicchi – kollha kemm huma b’tema komuni ta’ mħabba, telf u l-kundizzjoni umana. Is-Surmast Colin Attard semma kif “din kienet opportunità unika li l-udjenza lokali tesperjenza Il Trittico bil-mod kif dejjem xtaq Giacomo Puccini nnifsu, u saret possibbli bis-saħħa tal-ħidma tal-voluntieri u l-appoġġ kontinwu tal-Bank of Valletta”.

Intant, it-Teatru Astra tella’ l-produzzjoni Giovanna d’Arco li saħħret l-udjenza bil-ġrajja b’saħħitha tal-istess Giovanna d’Arco. Is-Surmast John Galea innota li “l-mużika ta’ Verdi tidħol fil-fond ta’ din il-ġrajja ikonika u huwa ta’ sodisfazzjon li tara lill-pubbliku jirrikorri bi ħġaru għal din il-produzzjoni artistika.”

Waqt li tkellem dwar l-impenn tal-Bank of Valletta, ic-Chief Operations Officer tal-Bank, Ernest Agius qal li “din is-sena iż-żewġ Teatri Għawdxin tellgħu żewġ produzzjonijiet eċċezzjonali, li juru l-livell fond ta’ emozzjoni u dramma li l-opra biss tista’ twassal. L-appoġġ tagħna jkompli jgħin lil Għawdex jikkultiva din in-niċċa li ġġib flimkien viżitaturi u nies tal-lokal għal dawn il-prestazzjonijiet fuq livell mondjali. Dawn il-produzzjonijiet jirriflettu l-ħidma sfieqa u l-passjoni tal-voluntiera u l-artisti li jaqsmu l-viżjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni kulturali.”

Hekk kif il-Bank of Valletta qed jiċċelebra 50 sena ta’ servizz u bħala ċittadin attiv fil-komunità, jibqa’ kommess li jgħin fit-twittija tat-triq għas-settur kulturali ta’ Malta u Għawdex biex jifjorixxi, joħloq opportunitajiet ġodda għall-espressjoni artisitika u jattira viżitaturi minn Malta u lil hinn. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport