Saturday, December 28, 2024

Il-BCA twaqqaf xogħlijiet li laqtu lil terzi f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) matul din il-ġimgħa, inkluż dalgħodu, kompliet tassisti lill-persuna terza affettwata minn xogħlijiet fi Triq l-Iskola f’Ħal Qormi.

Dan hekk kif uffiċjali tagħha żaru s-sit, wettqu l-ispezzjonijiet neċessarji u ġew konstatati l-fatti. Sussegwentament l-istess Awtorità ħadet azzjoni u ħarġet stop work notice.

B’referenza għal rapporti li kien hemm fuq il-midja soċjali relatati ma’ dan il-każ, l-awtorità ċċarat li hi ilha ssegwi dan il-każ sa minn Diċembru li għadda.

L-awtorità qalet li tinsab f’kuntatt kontinwu mal-persuna affettwata, offriet l-assistenza kollha neċessarja u kommessa li tirrisolvi din is-sitwazzjoni fl-iqsar żmien possibbli.

Kien irrapportat il-każ jikkonċerna omm li spiċċat bis-saqaf ta’ kamra mwaqqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu għaddejjin fuq binja oħra li tmiss mad-dar tagħha. Filwaqt li ddeskriviet l-esperjenza xokkanti li għaddiet minnha, hija qalet li tirringrazzja ‘l Alla li ma radmulhex lil binha li kien jaħdem mill-istess kamra sa ftit ġimgħat qabel.

Sadanittant, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qalet li ukoll f’kuntatt u assistenza kontinwa mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Din tal-aħħar ukoll qalet li ħadet azzjoni immedjata wara li segwiet l-aħħar żviluppi b’rabta max-xogħlijiet li kienu qed isiru fi Triq l-Iskola, Ħal Qormi. Dan sar bi twettiq ta’ spezzjoni preliminari fuq is-sit u skattat l-investigazzjonijiet tagħha.

Ekonomija

Sport