Saturday, April 27, 2024

Il-bidla fir-rekwiżiti għad-dħul ma naqqsitx il-livell u l-kwalità tal-Junior College

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-bidla f’ċertu rekwiżiti li kienu meħtieġa għad-dħul ta’ studenti f’istituzzjoni edukattiva post sekondarja wasslet biex numru ta’ studenti bbenefikaw minn dawn il-bidliet u daħlu fil-Junior College. B’hekk dawn l-istudenti għaddejjin bil-lezzjonijiet bħal sħabhom studenti.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Dr Clifton Grima tkellem dwar dan waqt it-tnedija tal-Politika Lingwistika għas-snin tal-Primarja, għal tfal bejn is-7 u l-11-il sena.

Il-Ministru Grima fisser li l-maġġoranza tal-istudenti jkollhom suġġett nieqes mit-tlieta meħtieġa, il-matematika, il-Malti u l-Ingliż u l-Junior College qed jagħti l-għanuna kollha meħtieġa sabiex fi żmien sentejn, meta l-istudenti jkunu f’din l-istituzzjoni, ikollhom l-opportunità li jerġgħu jpoġġu għall-eżami f’dak is-suġġett li jkollhom nieqes.

Huwa sostna wkoll li għad-dħul fl-Università l-Matematika, il-Malti u l-Ingliż bħala rekwiżiti baqgħu hemmhekk. B’danakollu, huwa dover li pajjiżna jgħin lil dawk l-istudenti sabiex jiksbu riżultati meħtieġa fl-eżamijiet li jsiru f’livell ordinarju u permezz tagħhom ikunu jistgħu jkomplu l-mixja edukattiva tagħhom.

Filwaqt li qal li dawn il-bidliet ma jnaqqsu xejn mil-livell jew il-kwalità tal-Junior College, sostna li din l-istituzzjoni qed tassigura li l-istudenti jkollhom esperjenza edukattiva fil-ħajja studenteska u dan se jkun qed jgħin aktar lill-istudenti biex ikunu mħejjija biex jibdew il-ħajja universitarja tagħhom.

Dwar jekk il-Malti hux issirlu ħsara speċjalment bil-mod kif jinkiteb fil-midja soċjali, il-Ministru Grima qal li hija realtà li fil-midja soċjali kulħadd jikteb u ma hemm ebda miżura li ġġiegħel il dak li jinkiteb ikun bl-aspett grammatiku kif xieraq.

Huwa sostna li min jikteb, qabel jikteb fil-mezzi tal-midja soċjali, għandu jkollu rispett lejh innifsu u lejn il-lingwa tagħna billi joqgħod attent li dak li jikteb ikun jinftiehem.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Grima qal li permezz ta’ inizjattivi bħalma hi l-politika lingwistika, il-gvern qed ikompli jagħti aktar għodod lit-tfal u lill-istuddenti sabiex ikollhom kmand tal-lingwa kemm mitkellma kif ukoll miktuba.

Sport