Il-Bord tal-Ippjanar approva pjanijiet biex il-Buskett Forest Aparthotel f’Ħad-Dingli, li ilu żmien twil magħluq u bla użu, sabiex dan jinbidel f’dar ġdida għall-anzjani b’kapaċità li tilqa’ sa 100 resident.
Il-proġett jinvolvi t-twaqqigħ tal-aparthotel eżistenti fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Sabbat u l-bini floku jkun dak ta’ faċilità għall-anzjani tal-Klassi 2A b’54 kamra, li tinkludi akkomodazzjoni ddedikata għal persuni bid-dimensja.
L-iżvilupp se jinkludi wkoll spiżerija, kafetterija, kċina, sala għal diversi użi, pixxina, ġonna pajsaġġati, ġnien fuq il-bejt, faċilitajiet għall-istaff u 40 spazju għall-parkeġġ.
Għalkemm il-bini se jinbena mill-ġdid għalkollox, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-iżvilupp se jibqa’ fi ħdan il-footprint, l-għoli u l-volum diġà stabbiliti għas-sit permezz ta’ permess preliminari preċedenti. Għalhekk dan mhux se jestendi fuq l-art agrikola tal-madwar.
Minħabba l-lokazzjoni tiegħu qrib iż-żona protetta Natura 2000 tal-Buskett u Girgenti, il-proġett għadda wkoll minn valutazzjoni ambjentali. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kkonkludiet li, diment li jiġu implimentati l-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa, l-iżvilupp mhux mistenni jkollu impatt sinifikanti fuq il-ħabitats protetti tal-madwar.
Il-permess jinkludi wkoll kundizzjonijiet stretti li jillimitaw l-użu tas-sit esklussivament għal dar waħda għall-anzjani. Att pubbliku se jiżgura li l-art agrikola tal-madwar tibqa’ mhux żviluppata u li ma jingħatawx drittijiet ta’ żvilupp ulterjuri lil hinn minn dawk diġà approvati.


