Thursday, March 27, 2025

Il-BOV bi profitt qabel it-taxxa ta’ €302.4 miljun fl-2024

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta kiseb prestazzjoni rekord għas-sena finanzjarja 2024, bi profitt qabel it-taxxa ta’ €302.4 miljun, li jfisser żieda ta’ kważi €51 miljun meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2023. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata miċ-Ċermen tal-BOV Dr Gordon Cordina flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia u s-CFO Kevin Cardona.

F’din il-konferenza tħabbar li l-Bord tad-Diretturi se jkun qiegħed jirrakkomanda dividend gross finali ta’ €0.1314 għal kull sehem, li jġib id-dividend totali għas-sena finanzjarja 2024 għal €0.2238 għal kull sehem żieda ta’ 92.5% mill-2023; dan huwa ekwivalenti għal distribuzzjoni ta’ €76.7 miljun mill-profitti tat-tieni nofs tas-sena (€49.9 miljuni netti). Flimkien mad-distribuzzjoni interim, il-ħlas gross totali tad-divident jammonta għal €130.7 miljun (€84.9 miljun netti).

Il-Bord se jirrakkomanda wkoll ħruġ ta’ ishma bonus ta’ sehem (1) għal kull għaxar (10) ishma miżmuma. Dan huwa soġġett għal approvazzjoni regolatorja.

Il-Bord se jkun qiegħed jipproponi inizjattiva ta’ share-buyback biex tiżdied il-likwidità tal-istrument ta’ ekwità tal-Bank fis-suq, mingħajr ma jiġu kkanċellati ishma. Din hija soġġetta għal approvazjoni regolatorja. Il-Bord se jkun qed jikkunsidra wkoll ħruġ ulterjuri ta’ Bonds mill-programm tal-Euro Medium Term Bond (EMTB) sa €250 miljun.

Il-karta tal-bilanċ tal-Bank kibret għal €15-il biljun (67.1% tal-PDG u 107% dik tal-istituzzjonijiet kollha l-oħra flimkien orjentati lejn is-suq domestiku), filwaqt li l-kreditu kiber b’€700 miljun matul is-sena, bir-rati tal-imgħax tal-Bank jibqgħu fost l-aktar baxxi fiż-żona Ewro.

Il-prestazzjoni tal-Grupp BOV kienet immexxija minn strateġija li timmira fuq il-ġestjoni tad-dħul kif ukoll l-ispejjeż. Id-dħul operattiv totali għas-sena finanzjarja 2024 ammonta għal €485.8 miljun, żieda ta’ 10% mis-sena ta’ qabel. Dan kien xprunat mill-espansjoni tal-portafolli tas-self, dħul nett mill-miżati u l-kummissjonijiet imtejjeb, u attività sostnuta tat-teżor biex tkompli l-investiment fi strumenti finanzjarji ta’ kwalità għolja.

Fir-rigward tad-dħul nett mill-imgħax, intqal li dan żdied b’9.6% għal €385.9 miljun, bil-Bank jespandi l-attivitajiet ta’ self u l-investimenti proprjetarji tiegħu u jibbenefika minn rati ta’ depożitu mtejba fuq ir-riżervi ta’ flus kontanti. It-tkabbir fid-Dħul Nett mill-Imgħax kien immexxi minn approċċ dinamiku ta’ ottimizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ li sar matul l-aħħar snin, fejn l-assi likwidi ġew mibdula f’investimenti li jġorru l-imgħax biex jigi stabbilizzat id-dħul fuq perjodu itwal u titnaqqas il-volatilità.

Sadanittant, il-Grupp BOV irnexxielu jirreġistra tkabbir ta’ 4.3% sena wara sena fuq l-2024, hekk kif dan tela’ għal €81.4 miljun.

Is-sehem fil-profitt tal-Grupp mill-kumpaniji assoċjati tal-assigurazzjoni rriżulta fi qligħ ta’ €9.5 miljun (€11.0 miljun fl-2023).

L-ispejjeż totali għas-sena ammontaw għal €216.7 miljun, 2.8% ogħla mis-sena ta’ qabel. L-ispejjeż relatati mal-impjegati baqgħu l-ikbar spiża, fejn il-Bank ikompli jinvesti fit-talent, segwit minn spejjeż relatati mat-teknoloġija bħala parti mill-ispinta strateġika tiegħu għad-diġitalizzazzjoni. 

Iċ-ċaqliq fuq it-Telf ta’ Kreditu Mistenni (“ECL”) għas-sena ammonta għal rilaxx nett ta’ €23.8 miljun (2023: €10.5 miljun rilaxx nett), li kien influwenzat minn titjib kemm fil-proporzjonijiet li ma jrendux kif ukoll fil-proporzjonijiet ta’ prestazzjoni inferjuri, u minn pożizzjoni kollaterali msaħħa fuq għadd ta’ assi improduttivi ewlenin. 

Id-depożiti tal-Grupp BOV żdiedu b’€651.7 miljun għal €12.8 biljun xprunati kemm minn depożiti kummerċjali kif ukoll minn depożiti personali. Dawn ġew imqiegħda f’assi li jġorru l-imgħax fit-tul bil-portafoll tal-kreditu jiżdied b’aktar minn €700 miljun u l-portafoll tal-investiment b’ €983.2 miljun.

Is-self nett żdied bi 11.6% għal €6.9 biljun, sa tmiem is-sena 2024, bil-portafoll tal-kreditu juri tkabbir konsistenti primarjament minħabba negozju sostnu fl-oqsma kollha nklużi self tan-negozju, self tad-djar u self personali filwaqt li jiffoka b’mod qawwi fuq il-kwalità tal-kreditu. 

Ir-riżultati eċċellenti tal-BOV huma l-frott ta’ snin ta’ trasformazzjoni – Dr Gordon Cordina

Iċ-Ċermen tal-BOV Dr Gordon Cordina rrifletta fuq ir-riżultati miksuba mill-Grupp BOV fl-2024 hekk kif iċċelebra 50 sena ta’ servizz lill-komunità u lill-ekonomija Maltija. “Ir-riżultati eċċellenti tal-Bank of Valletta huma l-frott ta’ snin ta’ trasformazzjoni li raw lill-Bank isolvi l-isfidi tal-passat u jisfrutta opportunitajiet ġodda fost dinamika esterna kumplessa fuq il-fronti regolatorji, finanzjarji, ekonomiċi u teknoloġiċi. Aħna nkomplu niffokaw l-isforzi tagħna fuq it-twassil ta’ valur għall-azzjonisti, immexxija minn ġestjoni prudenti tal-kapital kif ukoll inizjattivi strateġiċi u sostenibbli. Id-dividend li qed inħabbru llum, li huwa wieħed mill-aktar pagamenti ta’ dividend b’saħħithom, kif ukoll il-ħruġ ta’ bonus shares, li huma soġġetti għal approvazzjoni regolatorja, huma premju ġust  għall-fiduċja tal-azzjonisti tagħna u jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex inżommu istituzzjoni sigura u profittabbli.

Fix-xhur li ġejjin, il-Bank se jkompli jiffoka wkoll fuq materji komunitarji u ambjentali. Aħna diġà għamilna passi importanti f’dan ir-rigward, kemm fil-mod kif noperaw billi nnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-karbonju tagħna, kif ukoll billi nkunu aktar esiġenti fuq il-klijenti tagħna biex imexxu l-aġenda ekoloġika. L-inizjattivi ESG u CSR tagħna se jsiru saħansitra aktar evidenti fl-2025 u se jwassluna fit-triq sostenibbli li bdejna.”

L-2024 kienet sena oħra b’andament pożittiv ħafna għall-Bank – CEO Kenneth Farrugia

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia tenna li “wara l-prestazzjoni rekord miksuba fl-2023, ninsab kuntent inħabbar li l-2024 kienet sena oħra eċċellenti ta ‘tkabbir strateġiku u rikonoxximenti għall-Bank hekk kif inkomplu mmexxu ‘l quddiem diversi inizjattivi strateġiċi ewlenin imwettqa fil-Pjan Strateġiku tagħna għall-2024-2026. Il-fokus elevat tagħna fuq il-klijent, l-ispinta biex inwasslu effiċjenza operattiva u l-immaniġġjar dinamiku tar-riskji assoċjati mal-operat tagħna kollha wasslu għal titjib fil-profittabilità fl-oqsma ewlenin tan-negozju u tal-operat. Ġie rreġistrat tkabbir notevoli fil-linji ewlenin tal-finanzjament tal-kreditu u l-investimenti tan-negozju. Il-Bank se jkun qed isegwi aktar tkabbir permezz ta’ opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-assigurazzjoni u l-iskemi volontarji tal-penzjoni tax-xogħol, billi jisfrutta s-sħubija b’saħħitha ma’ MAPFRE.

Din is-sena komplejna ninvestu fil-kapital uman tagħna u implimentajna diversi inizjattivi biex nappoġġjaw il-benesseri tal-impjegati tagħna. Dawn l-azzjonijiet ikkontribwew biex jappoġġjaw il-proġetti kummerċjali u operattivi tagħna li ffukaw fuq l-immodernizzar fil-mod kif inwasslu s-servizz tagħna, is-simplifikazzjoni tal-proċessi għal effiċjenza aħjar u t-tisħiħ tal-kontrolli tar-riskju. Matul din is-sena, komplejna wkoll insaħħu l-esperjenza tas-servizz tal-konsumatur tagħna kif muri mill-istħarriġ imwettaq kull xahar u nedejna wkoll prodotti u servizzi innovattivi għall-klijenti personali u kummerċjali stmati tagħna.

Standard & Poor’s Global Ratings irrikonoxxiet id-diversi inizjattivi u r-riżultati tal-Bank miksuba s’issa billi żiedet il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Bank għal BBB. Kisba oħra notevoli fl-2024 kienet it-tnedija tal-bond subordinat mhux garantit ta’ €100 miljun 5%, li kien sottoskritt b’mod sinifikanti fl-ewwel jum tat-tnedija tiegħu, li jirrifletti l-fiduċja   fil-Bank mill-pubbliku u l-istituzzjonijiet lokali u barranin. Fl-aħħar tal-2024, il-Bank ingħata wkoll il-premju ‘Kumpanija tas-Sena’ mill-Borża ta’ Malta bħala riflessjoni tal-kisbiet tal-Bank, u BOV Fund Services ġie vvutat bħala l-Aqwa Amministratur tal-Fondi f’Malta 2024 minn Capital Finance International li jirrifletti l-enfasi tagħna fuq l-eċċellenza tas-servizz.”

Is-Sur Farrugia kompla jgħid li “Is-sostenibbiltà tibqa’ inkorporata sew kemm fin-negozju kif ukoll fil-mudell operattiv tagħna. Matul din is-sena, il-Bank nieda l-Fondazzjoni BOV, li tirrifletti l-importanza li nagħtu lill-għeruq profondi tal-Bank f’ħafna aspetti tas-soċjetà Maltija fejn il-komunitajiet li noperaw fihom jibqgħu partijiet interessati importanti għalina. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport