Sunday, December 22, 2024

Il-BOV minn tal-ewwel fil-bidla lejn servizzi diġitali

Aqra wkoll

In-nies, il-ħiliet, il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-edukazzjoni, u l-intraprenditorjat ġew kollha diskussi fit-tielet jum tal-ġimgħa Malta Future Realised ta’ din is-sena, organizzata minn EY Malta.

Kelliema minn diversi industriji ddiskutew is-sejbiet tal-Istħarriġ Generate Youth, stħarriġ li sar bejn aktar minn 750 parteċipant, kemm mill-Ġenerazzjoni Z kif ukoll mill-Millennials. Ir-riċerka turi li 65% tal-Ġenerazzjoni Z u 56% tal-Millennials jippreferu jkunu intraprenditur aktar milli jkunu impjegati minn xi ħadd ieħor. Dan juri żieda ta’ 5% u 6% mir-riżultati rreġistrati fl-2020.

Iċ-Chief Retail Banking Officer tal-BOV, Kenneth Farrugia, stqarr li din l-istatistika hija sinjal pożittiv li ż-żgħażagħ tagħna juru ambizzjonijiet ta’ tmexxija, iżda dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex l-intraprenditorjat ikun jista’ jinkiseb. “Huwa tajjeb li naraw li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna trid tkun dak li jħaddem lill-impjegati, iżda dawn l-istess nies iridu jagħmlu użu mill-għażla ta’ ċertifikazzjonijiet li jistgħu jarmawhom b’mentalità aħjar biex isiru intraprendituri,” qal is-Sur Farrugia.

Il-litteriżmu finanzjarju kien irrimarkat bħala attribut kritiku biex in-nies ikunu kapaċi jmexxu n-negozju tagħhom stess. “Kollox jibda bl-iżvilupp ta’ offerta tas-suq, li mbagħad trid tkun sostnuta minn investiment għaqli u livell tajjeb ta’ litteriżmu finanzjarju. Minn perspettiva bankarja, ninnotaw titjib fil-litteriżmu finanzjarju mill-bidla kontinwa għal servizzi bankarji diġitali.”

Partikolarment mill-bidu tal-pandemija, it-tendenza ta’ użu ta’ mezzi bankarji diġitali kienet qed tikber b’mod esponenzjali filwaqt li bil-maqlub, il-volum ta’ tranżazzjonijiet ta’ flus kontanti u ċekkijiet qed jonqos gradwalment. “Fil-fatt, minn Settembru li għadda, il-Bank kellu żieda ta’ 20% fit-tranżazzjonijiet bankarji diġitali, li wħud minnhom jinkludu wkoll pagamenti diġitali minn klijenti kummerċjali. Bejn Jannar u Settembru, l-użu taċ-ċekk naqas b’34% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020. Irreġistrajna wkoll madwar 2 miljun login fuq il-mobile banking meta mqabbel mal-1.45 miljun rrappurtati s-sena li għaddiet. Dawn l-analitiċi juru li n-nies huma aktar miftuħa biex jmexxu il-finanzi tagħhom b’mod innovattiv, li mbagħad jipprovdi lill-banek b’aktar informazzjoni biex ifasslu prodotti u esperjenza ta’ servizz aħjar u aktar flessibbli.”

Issemmiet ukoll il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-edukazzjoni, hekk kif xi wħud stqarru li hemm bżonn ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejniethom biex jiġi żgurat li s-sistema tagħna tevolvi mal-ħtiġijiet tal-industrija. “Qed nagħmlu biżżejjed? Naħseb li għamilna ħafna, iżda mhux biżżejjed. Irridu nibnu ekosistema biex in-nies tagħna jkunu jistgħu jibdew jew jiżviluppaw l-intrapriża tagħhom stess” temm jgħid is-Sur Farrugia.

Ekonomija

Sport