Tuesday, June 9, 2026

Il-FAM issalva 53 immigrant irregolari … 11-il persuna jittellgħu mejta mill-baħar

Aqra wkoll

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvat 53 immigrant irregolari, li sabu ruħhom f’diffikultà meta kienu madwar 50 mil nawtiku fil-Lvant ta’ Malta, ’il barra mill-ibħra territorjali. Sfortunatament 11-il persuna ttellgħu mejta mill-baħar. 

Kien tard il-Ħadd filgħaxija, meta l-Malta Vessel Traffic Services irċieva notifika minn bastiment tas-sajd rigward dgħajsa li kienet qiegħda ġġorr migranti irregolari u li kienet f’diffikultà.

L-informazzjoni li rċevew indikat li diversi persuni kienu waqgħu l-baħar waqt li kienu qed jipprovaw jilħqu l-bastiment tas-sajd li kien qiegħed jagħti l-għajnuna. 

Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ minnufih ta struzzjonijiet lill-bastiment tas-sajd, flimkien ma’ bastimenti oħra fil-viċin, sabiex jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Fl-istess ħin, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ħarġu jagħtu l-għajnuna tagħhom flimkien mal-Gwardja tal-Kosta Taljana. 

Il-FAM qalet li t-53 migrant irregolari li ġew salvati ngħataw l-assistenza medika u persuna minnhom kellha bżonn kura medika urġenti u ġiet trasferita permezz ta’ ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Malli waslu fuq l-art, il-persuni li ġew salvati u l-katavri li ttellgħu mill-baħar ġew trasferiti lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jingħataw aktar assistenza u jsiru l-proċeduri meħtieġa. 

F’kitba fuq X, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield appella għal azzjoni Ewropea b’saħħitha kontra t-traffikar tal-bnedmin u għal approċċ Mediterranju kkordinat dwar il-migrazzjoni biex ikunu evitati aktar traġedji. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport