“Matthew Caruana Galizia żgwida lill-Qorti meta xehed li f’post fuq Facebook li fih għamel allegazzjonijiet mill-iktar serji ta’ korruzzjoni, huwa kien qiegħed jagħmel biss ipoteżi.” Qal dan fil-Qorti lbieraħ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta xehed f’kawżi ta’ libelli li kien fetaħ fl-2017 kontra l-istess Matthew Caruana Galizia u kontra Mario Frendo li dak iż-żmien kien ġurnalist ma’ NET News.
Il-kawżi ta’ libell huma dwar post fuq Facebook li Caruana Galizia kien tella fil-kampanja elettorali tal-2017 li fiha kien allega li Dr Muscat daħħal il-flus huwa personalment mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u dwar rapporti li kienu saru fuq NET TV.
Dr Muscat qal li meta kien PM huwa qatt ma rrefera la direttament u lanqas indirettament, lil xi klijent tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment lil xi wieħed mis-service providers tal-istess skema. Żied li bħala Prim Ministru xogħlu kien dak li jieħu sehem f’konferenzi barra minn Malta biex jippromwovi l-iskema. L-eks Prim Ministru xehed ukoll li huwa u martu qatt ma kellhom ebda kont fil-Pilatus Bank kif ħareġ mill-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Żied ukoll li huma qatt ma kellhom kumpaniji reġistrati f’isimhom barra l-pajjiz.
Mitlub jikkumenta dwar il-fatt li Matthew Caruana Galizia f’xhieda fil-Qorti f’din il-kawża qal li huwa kien qiegħed jagħmel biss ipoteżi, Dr Muscat qal li dan assolutament mhux il-każ. L-eks Prim Ministru kompla jgħid li Caruana Galizia żgwida lill-Qorti bix-xhieda tiegħu ghaliex meta kiteb fuq Facebook huwa uża l-kelma ‘fatti’. Dan mhux biss huwa punt malafamanti iżda huwa totalment falz.
“Caruana Galizia mkien ma semma l-kelma ipoteżi. Ma lagħabx bil-kliem anzi kien ċar hafna. Kiteb dwar dawk li skont huwa kienu fatti, saħaq Dr Muscat. Kull qarrej normali ma kellu ebda tip ta’ dubju li Caruana Galizia kien qieghed jikteb dwar korruzzjoni. L-eks Prim Ministru rrimarka wkoll li l-post li dwaru sar il-libell tneħħa minn fuq Facebook waqt li posts oħra għadhom hemm.
L-eks Prim Ministru xehed ukoll li Daphne Caruana Galizia kienet laħqet xehdet dwar dan il-każ quddiem l-inkjesta li mexxa l-Maġistrat Aaron Bugeja. Hija kienet twemmnet waqt li Maria Efimova ma kinitx tant li l-inkjesta kienet talbet li jittieħdu passi kontra tagħha, anki jekk sal-lum baqa’ qatt ma sar xejn.
Dwar ir-rapport li kien għamel fuq NET News Mario Frendo dakinhar stess li deher il-post ta’ Caruana Galizia, Dr Muscat qal li dak ir-rapport, fejn miegħu kien ippubblikat ritratt b’nofs wiċċu, ma jħalli l-ebda tip ta’ dubju u ma jitkellem dwar ebda ipoteżi u suppożizzjoni. L-eks Prim Ministru rrimarka li mar-rapport kienet anki ntużat il-kelma Muscatgate u żied li dan kien attentat ċar kontra l-istabilità tal-pajjiż.
Dwar xandira li kienet saret fuq NET TV li fiha kien allegat li l-mara tiegħu kellha kumpanija sigrieta u li fiha kienet qed tirċievi ammonti kbar ta’ flus mill-kontijiet bankarji tat-tifla tal-President tal-Ażerbaijan, Dr Muscat qal li x-xandira ma kienet ħalliet ebda dubju li l-kumpanija Egrant kienet ta’ martu u li fiha għaddew il-flus, xi ħaġa li l-inkjesta tal-Magistrat Bugeja sabet li mhux minnha. Waqt li qal li ċerti dokumenti ġew iffabbrikati, l-eks Prim Ministru żied li jemmen li dan ma sarx minn Daphne Caruana Galizia, iżda sar minn ħaddiehor li mbagħad irnexxielu jgħaddihom lilha.


