Is-sitwazzjoni ġeopolitika internazzjonali għalkemm hi waħda inċerta u instabbli politikament, b’danakollu l-ekonomija Maltija baqgħet għaddejja ’l quddiem b’rittmu b’saħħtu. U dan kien konfermat minn aġenziji tal-kreditu awtorevoli bħal Standard and Poor’s u anke mill-Kummissjoni Ewropea nfisha li baqgħu jagħtu ċertifikati pożittivi dwar kif sejra l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dan għandu għalxiex ikompli jinkoraġġina li l-ekonomija għadha b’saħħitha u għandha fejn tkompli tikber anke jekk jitqies il-piż finanzjarju li ilu jerfa’ l-Gvern fosthom permezz tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. U dan kollu seta’ jkun possibbli grazzi għall-għaqal ta’ dan il-Gvern fit-tmexxija tal-finanzi.
Għaldaqstant, hekk kif l-ekonomija kompliet tikber, dan ippermetta li budget wara l-ieħor jitqassam aktar ġid b’tali mod li setgħu jiġu mwieżna l-familji, il-pensjonanti, l-istudenti u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħha.
Minn dawn il-kolonni nilqgħu wkoll l-aħbar li Malta laħqet il-miri fiskali tagħha ferm qabel iż-żmien. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li pajjiżna rnexxielu jniżżel id-defiċit imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross taħt it-3%.
Kif qal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern fl-aħħar snin kienu kruċjali biex illum pajjiżna huwa l-uniku pajjiż minn tmienja fl-Unjoni Ewropea li laħaq dawn il-miri fiskali. Minkejja li l-Kummissjoni Ewropea tat lil pajjiżna erba’ snin biex inaqqas id-defiċit taħt it-3%, dan it-tragward ġie milħuq f’sentejn biss.
Bla dubju, din hija aħbar li għandna nieħdu gost biha għax tassigura li jkompli l-investiment fil-familji u n-negozji f’pajjiżna, u jkun implimentatat il-manifest elettorali li ppreżenta l-Gvern u li ngħata mandat b’saħħtu mill-poplu fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda.
Dan kollu jorbot mal-Viżjoni Malta 2050 li se sservi ta’ pedament għal kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għan-nies u wkoll lejn fejn irridu nieħdu lil dan pajjiżna fis-snin li ġejjin.


