Meta fit-3 ta’ Ġunju Rita Saliba qiegħdet saqajha fuq il-quċċata tal-Muntanja Denali fl-Alaska, kienet qed tikteb paġna ġdida fl-istorja tal-xabbaturi Maltin.
Mhux biss għax laħqet l-ogħla punt fl-Amerika ta’ Fuq, iżda għax saret l-ewwel mara Maltija li rnexxielha twettaq din l-isfida straordinarja.
Iżda wara dak il-mument ta’ glorja kien hemm ġimgħat sħaħ ta’ inċertezza, tbatija, kesħa estrema u battalja kontinwa kontra l-elementi tan-natura.
“Għadni sal-lum ma nemminx kompletament li wasalt,” tgħid Rita hekk kif tirrifletti fuq l-esperjenza tagħha. “Meta qgħadt fuq il-quċċata ta’ Denali ħassejt taħlita ta’ emozzjonijiet li diffiċli niddeskrivihom. Kien hemm sodisfazzjon enormi, iżda wkoll sens ta’ gratitudni għal kull persuna li għenitni nasal s’hawn.”
Denali, li tilħaq aktar minn 6,190 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, hija meqjusa bħala waħda mill-aktar muntanji diffiċli fid-dinja. Għalkemm hemm quċċati ogħla f’kontinenti oħra, il-kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-kesħa qawwija u l-iżolament jagħmlu lil Denali sfida unika.
“Din il-muntanja sfidatni b’modi li qatt ma kont immaġinajt,” tispjega. “Imbuttatni fiżikament, mentalment u emozzjonalment aktar minn kull ħaġa oħra li għamilt qabel.”
Fil-fatt, il-vjaġġ beda b’ostaklu kbir saħansitra qabel ma bdiet it-tlugħ proprju. Il-grupp tagħha kellu jqatta’ sitt ijiem maqbud fil-belt ta’ Talkeetna minħabba temp estremament ħażin.
“Kull filgħodu konna nqumu nistennew aħbarijiet ġodda dwar it-temp. Kull tbassir ġdid kien iġib miegħu ftit tama u ħafna diżappunt. Rajna t-tieqa ideali biex nitilgħu tisparixxi jum wara l-ieħor. Kien hemm mumenti meta bdejna naħsbu li forsi qatt ma nkunu nistgħu nibdew l-isfida.”
Minkejja dan, il-grupp ma qatax qalbu. Malli l-kundizzjonijiet ippermettew, huma telqu lejn il-kamp bażi u bdew il-mixja twila lejn il-quċċata.
“Konna nafu li l-ħin kien kontra tagħna. Kull ġurnata li tlifna kienet tfisser aktar pressjoni. Iżda fl-istess ħin kellna nibqgħu kalmi u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin għax fuq muntanja bħal Denali żball żgħir jista’ jkollu konsegwenzi serji ħafna.”
Tul it-triq, Rita kellha tiffaċċja kesħa qawwija, riħ qalil u għejja kontinwa.
“Kien hemm mumenti fejn staqsejt lili nnifsi jekk kontx se nasal. Kien hemm mumenti ta’ dubju kbir. Tistaqsi lilek innifsek jekk is-sagrifiċċji kollha, it-taħriġ kollu u s-snin ta’ preparazzjoni humiex biżżejjed.”
Madankollu, dak li baqa’ jimbuttaha ’l quddiem kien il-ħsieb tal-għan tagħha u l-appoġġ tan-nies ta’ madwarha.
“Dak li se niftakar l-aktar mhux biss il-quċċata nnifisha, iżda dak kollu li għaddejt minnu biex nasal hemm. Il-biża’, it-tama, id-diffikultajiet, id-daħk u l-ħbiberiji li nibtu f’wieħed mill-aktar ambjenti ħorox li qatt rajt.”
Waħda mill-aktar esperjenzi li ħalliet impatt fuqha kienet l-aħbar traġika li waslet waqt l-avventura. Grupp ieħor ta’ xabbaturi kellu inċident fatali fiż-żona magħrufa bħala Denali Pass, fejn tliet persuni tilfu ħajjithom.
“Dawk huma mumenti li jfakkruk kemm il-muntanja bħal baħar taf tkun perikoluża. Denali hija sabiħa immens, iżda hija wkoll perikoluża. Meta tisma’ b’inċidenti bħal dawn tirrealizza kemm m’hemm xejn bejn is-suċċess u d-diżastru.”
Fil-fatt, statistika tal-Park Nazzjonali ta’ Denali turi li matul is-snin mietu aktar minn 130 persuna fuq din il-muntanja. Kull sena bejn 1,000 u 1,200 xabbatur jippruvaw jilħqu l-quċċata, iżda ħafna minnhom ma jirnexxilhomx.
“Meta tkun taf dawn iċ-ċifri, tifhem aħjar kemm hija speċjali l-esperjenza li tkun fost dawk li jaslu sal-quċċata. Mhux għax inti aħjar minn ħaddieħor, iżda għax tant affarijiet iridu jaħdmu flimkien fosthom il-preparazzjoni, il-kundizzjonijiet tat-temp, it-tim u anki ftit fortuna.”
Din ma kinitx l-ewwel sfida internazzjonali għal Rita. Fil-bidu tas-sena hija laħqet il-quċċata tal-Aconcagua fl-Amerka t’Isfel, filwaqt li matul l-aħħar sentejn telgħet ukoll fuq il-Kilimanjaro fl-Afrika u l-Elbrus fl-Ewropa.
Madankollu, hi ma taħsibx darbtejn meta tintalab tqabbel dawn l-esperjenzi.
“Denali kienet bla dubju l-aktar waħda diffiċli. Kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Qatt ma ħassejtni ttestjata daqshekk. Kienet sfida li verament bidlitni.”
Lil hinn mill-isport u l-avventura, l-ispedizzjoni kellha wkoll skop altruistiku. Tul il-vjaġġ tagħha Rita kienet qed tiġbor fondi għall-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati u għal Puttinu Cares.
“Kont nixtieq li din l-isfida tkun tfisser xi ħaġa aktar minn kisba personali. Dawn huma żewġ għaqdiet li jagħmlu xogħol straordinarju u xtaqt nagħti sehmi biex ngħinhom.”
Meta mistoqsija x’messaġġ tixtieq twassal lil dawk li qed isegwu l-vjaġġ tagħha, Rita ma taħsibhiex darbtejn
“Qatt tħalli l-biża’ tieħu kontroll tal-ħolm tiegħek. Il-biża’ dejjem se tkun hemm, hi xi ħaġa normali. Jien ħassejtha ħafna drabi. Imma jekk taħdem, tipprepara ruħek u tibqa’ temmen fik innifsek, tista’ tasal aktar ’il bogħod milli qatt immaġinajt.”
U hekk kif tħares lura lejn il-vjaġġ li wassalha sal-ogħla quċċata tal-Amerka ta’ Fuq, Rita Saliba tista’ tgħid li mhux biss rebħet muntanja, iżda wkoll rebħet battalja personali li se tibqa’ magħha għal ħajjitha kollha.
Għal Malta, hija kisba storika. Għal Rita, hija prova li l-limiti ħafna drabi jeżistu biss f’moħħna.


