Fl-aħħar jiem, il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza b’saħħitha r-rapport tal-Ewroparlamentari Daniel Attard li se jifforma l-bażi tal-ewwel Strateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli. Ir-rapport ġie approvat b’439 vot favur, 42 kontra u 129 astensjoni, u jibgħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-direzzjoni li għandha tieħu politika Ewropea moderna għat-turiżmu.
Bħala negozjatur ewlieni tal-Parlament għat-turiżmu fuq livell Ewropew, Attard mexxa x-xogħol li wassal għal viżjoni ġdida għal turiżmu aktar sostenibbli mibnija fuq ħames pilastri ewlenin: konnettività aqwa, ħarsien u tisħiħ tal-identità kulturali, titjib fil-ġestjoni tad-destinazzjonijiet, investiment fil-ħaddiema u aktar sostenibbiltà ambjentali.
“Dan huwa mument importanti mhux biss għat-turiżmu Ewropew iżda wkoll għal Malta u Għawdex. Għall-ewwel darba, il-Parlament Ewropew qed jgħid b’mod ċar li t-turiżmu għandu jkun ibbażat fuq kwalità, sostenibbiltà u benefiċċji reali għall-komunitajiet lokali,” qal Attard.
Fost l-aktar proposti sinifikanti approvati mill-Parlament hemm sejħa għal aktar investiment fil-konnettività, partikolarment għal gżejjer, reġjuni periferiċi u destinazzjonijiet emerġenti. Ir-rapport jagħraf li trasport affidabbli u affordabbli huwa essenzjali biex pajjiżi bħal Malta jkunu jistgħu jikkompetu u jkomplu jattiraw investiment u viżitaturi ta’ kwalità.
Ir-rapport jinkludi wkoll miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa minn kiri turistiku għal żmien qasir li ma jkunx regolat b’mod adegwat. Il-Parlament qed jappella għal qafas Ewropew ġdid li jagħti aktar għodod lill-pajjiżi biex jipproteġu l-komunitajiet lokali u l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli għall-komunitajiet tagħna.
Qasam ieħor fejn Attard kiseb appoġġ wiesa’ huwa dak tal-ħaddiema fit-turiżmu. Ir-rapport jappella għall-introduzzjoni ta’ Tourism Skills Card Ewropea sabiex il-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema jkunu rikonoxxuti aħjar madwar l-Ewropa u jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u mobilità.
Il-Parlament approva wkoll proposti biex il-wirt kulturali jitqiegħed fil-qalba tal-politika turistika Ewropea, filwaqt li jissaħħu l-isforzi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tas-settur u jiġu promossi prattiċi aktar sostenibbli.
“L-Ewropa m’għandhiex tikkompeti biss fuq in-numri. Għandha tmexxi fid-dinja fil-kwalità u fis-sostenibbiltà. Dan ir-rapport jistabbilixxi dik id-direzzjoni u issa jmiss lill-Kummissjoni Ewropea biex tibni fuqha permezz tal-Istrateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli,” temm jgħid Attard.


