Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar, biswit Bieb is-Sultan, għal darba oħra se jkun qed joffri ambjent uniku hekk kif bejn il-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Lulju se jilqa’ edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest.
Id-dettalji dwar il-festival tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-President tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar Mario Aquilina.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun ukoll waħda b’enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn is-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, il-Foss ta’ Notre Dame, li sa ftit ilu kien spazju mitluq, ġie mnaddaf u ppreparat biex jilqa’ dan l-avveniment kulturali.
B’dan il-mod, il-foss inbidel fi spazju miftuħ u attraenti li se joffri atmosfera unika ta’ divertiment għal dawk kollha li se jattendu.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet volontarji tista’ tagħti ħajja ġdida lil spazji pubbliċi għall-ġid tal-komunità. Hija sostniet li l-ħidma tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ma tieqafx mat-tindif biss, iżda tikkontribwixxi wkoll biex jinħolqu spazji aktar siguri, nodfa u aċċessibbli fejn jistgħu jsiru attivitajiet kulturali u soċjali.
“Permezz tal-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema qed nagħtu ħajja ġdida lil spazji pubbliċi, biex illum ikunu jistgħu jintużaw mill-komunità għal attivitajiet kulturali. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif investiment fil-manutenzjoni u l-indafa jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini,” temmet tgħid il-Ministru Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar, Mario Aquilina spjega li l-edizzjoni ta din is-sena se tkun ikbar, grazzi għal għajnuna u s-sostenn mgħoti mill-Gvern anke permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Tkellem ukoll Kyle Magro, membru fi ħdan MMG Promotions fejn spjega li l-Ġimgħa 3 ta’ Lulju se jkun hemm spettaklu mid-DJ leġġendarju Ġermaniż ATB. Magħruf l-iżjed għal diversi suċċessi mużikali u għall-ispettakli uniċi tiegħu f’festivals tant popolari madwar id-dinja, ATB se jkun qed iwettaq ritorn memorabbli ferm fuq din il-gżira.
Is-Sibt 4 ta’ Lulju, se jkun iddedikat lill-mużika rock, hekk kif għall-ewwel darba f’Malta se jdoqqu Achtung Babies, waħda mill-aktar tribute bands rinomati ta’ U2 fuq livell internazzjonali.
Matul iż-żewġ serati se jieħdu sehem ukoll numru ta’ artisti u DJs Maltin magħrufa, fosthom Tenishia, Clay C, Ziggy, Memphis Mac, Pierre Cordina, Cathy K u Sussu, li flimkien se joffru programm varjat ta’ divertiment.
Minbarra l-mużika, dawk li jattendu se jkunu jistgħu jgawdu minn attivitajiet interattivi, u żona ddedikata għat-tfal.
Bħala parti mill-impenn favur is-sostenibbiltà, matul il-festival se tiġi introdotta wkoll inizjattiva ta’ tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw, bil-għan li jitnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw.
Il-festival qed jiġi organizzat b’risq Puttinu Cares. L-attivitajiet se jibdew mis-7:00pm ‘il quddiem fiż-żewġ serati, filwaqt li d-dħul għall-avveniment huwa mingħajr ħlas.


