Wednesday, July 1, 2026

14-il sena ħabs wara li pprova joqtol mara f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Kolumbjan ta’ 23 sena kien ikkundannat 14-il sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li pprova joqtol mara Kolumbjana f’bajja f’San Ġiljan.

Andres Sebastian Medina Pinzon, magħruf bħala Fabian Medina Paira, wieġeb ħati għall-akkużi ta’ attentat ta’ qtil u li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma. 

Il-każ kien seħħ fis-7 t’Awwissu 2024. Mill-provi li tressqu fil-Qorti kien ħareġ li t-tfajla kienet feruta serjament minn oġġett li jaqta’ u bil-ponta u anke kienet f’periklu li titlef ħajjitha. Hija kellha wkoll tiġi operata b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kellha żewġ feriti kbar f’sidirha.

Quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, Fabian Medina Paira rreġistra ammissjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ dak li ġie akkużat bih fl-Att ta’ Akkuża maħruġ fil-konfront tiegħu. Huwa kkonferma din l-ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.

Qabel ġiet biex tagħti il-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom il-fedina penali tal-akkużat, in-natura serja tal-Kapi ta’ Akkużi miġjuba kontrih u l-ammissjoni tiegħu.

Il-Qorti qalet ukoll li filwaqt li hu minnu li f’dan il-każ, l-ammissjoni tal-akkużat saret fi stadju avvanzat tal-proċeduri, b’danakollu ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-ġuri ma laħaqx ġie kompost u b’hekk ġew evitati spejjeż żejda u ġew evitati wkoll li jsiru l-preparamenti neċessarji għal ġuri.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li kellha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u l-akkużat fir-rikors konġunt tagħhom li kien ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju li għadda, liema piena ntqal li hija waħda fil-parametri tal-liġi u li tirrispekkja l-gravità ta’ dak li l-akkużat ġie akkużat bih f’dawn il-proċeduri.

Kien għalhekk li l-Qorti, filwaqt li sabet lil Fabian Medina Paira ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu, ikkundannatu għal perjodu ta’ 14-il sena priġunerija. Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ protezzjoni għal ħames snin biex tkun protetta l-mara filwaqt li huwa kien ordnat iħallas is-somma ta’ €8,453 fi spejjeż tal-esperti.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport