Wednesday, July 1, 2026

Ċikku Ta’ Xarrab

Aqra wkoll

Illum għażilt li nitbiegħed ftit mill-preżent u mmur lura fis-snin mhux ħażin. Lejn is-Sittinijiet. Żminijiet koroh għal kull min kien Laburist dak iż-żmien. Ferm aktar koroh għal min kien Laburist u b’xi mod involut mill-qrib mat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Nistħajlek tistaqsini għaliex għażilt hekk illum. Għażilt li nagħmel hekk biex dawk li llum mexjin fil-wità jkunu jafu minn liema tlajja’ kellhom jitilgħu ta’ qabilna. Minn liema tbatija ħarxa għaddewhom. Tbatija li wasslet għas-sodda mifruxa tal-lum. Sodda li għandna nibżgħu għaliha.

Se nissellef b’mod fidil mill-ktieb ‘Laburisti tal-Azzar’, l-aħħar pubblikazzjoni tas-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS). Ħarġet f’Mejju li għadda. Editriċi Claire Xuereb Grech. Ġabret tagħrif u ġrajjiet varjati dwar Laburisti li ġustament sejħitilhom ‘Laburisti tal-Azzar’.

Is-Snin Sittin kienu karetizzati mill-kwistjoni politka-reliġjuża bejn il-Knisja Maltija u l-Partit Laburista. Persekuzzjoni tal-Laburisti minħabba t-twemmin politiku tagħhom. Kundanni ħorox mill-Knisja. Saħansitra Laburist kundannat mill-Knisja lanqas f’mewtu ma kien rispettat. Ma kienx jitħalla jindifen f’ċimiterju normali, imma f’dik il-parti li kienet magħrufa bħala ‘Il-Miżbla’. Laburist kundannat ma kien jingħata ebda Sagrament. Lanqas daru ma kienu jberkulu.

Minn din is-sitwazzjoni bbenefika l-Partit Nazzjonalista. Il-kampanja elettorali tiegħu kienet tagħmilha l-Knisja minn fuq il-pulptu. F’kull knisja. F’kull belt u raħal. 

Lura għal Ċikku Ta’ Xarrab u għal x’kitbet dwaru Claire Xuereb Grech.

Ċikku Cefai, magħruf bħala Ta’ Xarrab, twieled iż-Żebbuġ, Għawdex fit-3 ta’ Lulju 1910. Iżżewweġ lil Mari Ġwann mix-Xagħra u kellhom ħamest itfal: Adelaide, Maria, Vitor, Peppi u Wiġi. Kien bennej prim tas-sengħa. Kien armat bit-trakk u kellu jaħdmu miegħu bosta naġġara. Għalkemm f’Għawdex ix-xogħol minn dejjem kien skars, hu kien imqabbad sew u, “Ma kienx ikun hemm naġġar li ma kienx idaħħlu miegħu jekk ikollu bżonn ix-xogħol,” irrakkontatli bintu Maria. Ta’ ftit kliem, dedikat u moħħu fix-xogħol. Qatt ma siefer għax “ma tarax se jħallilekx ix-xogħol u jitlaq.”

Il-ġrajja ta’ Ċikku hija storja drammatika li seħħet fi Triq Skapuċċina fir-raħal Għawdxi taż-Żebbuġ, raħal ċkejken maqtugħ għalih fuq għolja. Forsi minħabba din il-qagħda ġeografika li għadd ta’ Żebbuġin tas-Sittinijiet kellhom mentalità aktar dejqa minn ta’ nħawi oħra.

Il-Partit Laburista sejjaħ konferenza fiż-Żebbuġ, Għawdex, għall-Ħadd 22 ta’ Ottubru 1961. Fil-ġurnal ‘Il-Ħelsien’ beda jidher avviż regolari fil-ġranet ta’ qabel fejn intqal li l-Konferenza se tibda fl-10 ta’ filgħodu u kienu se jindirizzawha Ġuże Zerafa u Karmenu Zammit.

Dan l-avviż qanqal terremot fiż-Żebbuġ, Għawdex. Minn fuq il-pulptu tal-knisja, il-Kappillan taż-Żebbuġ ħeġġeġ lill-parruċċani ‘biex meta jiġu ta’ Mintoff morru bis-sfafar fuq is-sit u tħalluhomx jidħlu fir-raħal’.

Aktar tmasħan malli sar jaf li l-Konferenza se ssir fil-garaxx ta’ Ċikku. Bagħat għalih u widdbu li jekk kien se joffri l-garaxx lill-Partit Laburista kien se jagħtih l-interdett. Ċikku wieġbu: “Ma tkunx l-ewwel darba għax fi żmien Strickland ħadtu wkoll.”

Sitt xhur wara l-interdett tal-knisja fuq il-Partit Laburista ħajjet Ċikku nbidlet mil-lejl għan-nhar. “Dak iż-żmien il-Partit Laburista ma kienx isib min jilqgħu biex jagħmel il-laqgħat u l-meetings,” qalli Lino Debono, In-Niksu. Ċikku Ta’ Xarrab offra l-garaxx tiegħu lill-Partit Laburista biex ilaqqa’ n-nies għandu.

Minn kmieni filgħodu liż-Żebbuġin lestewhom għal kruċjata kontra l-Laburisti. Lil skoss nies twajba u tfal ramawhom bis-sfafar, ħornijiet u laned. Il-perċimes kien Dun Ġużepp Saliba, li kien għadu jirritorna mill-Kanada u żewġ qassisin oħra.

Ġgajta rġiel u nisa mgħaddba mxew irrabjati għal wara bieb Ċikku jkantaw ‘Viva l-Isqof, Viva l-Papa’. Dak li kellu jkun jum ta’ mistrieħ il-Ħadd filgħodu nbidel f’jum ta’ għadab ‘kontra dawk li kienu qed jagħmlu ħsara lir-Reliġjon’. Inqalgħet frattarija sħiħa tant li kellhom jissejħu l-pulizija biex jikkalmaw il-qiegħa. “Darmenia, Zammit u Zerafa kellhom jgħaddu mill-mogħdija mħarbta li tagħti għal Marsalforn biex jevitaw dil-folla mqanqla,” qalli Lino Debono.

‘Tassew kienet xena ta’ ħasra tara tfal ħafjin u mċerċrin bis-suffara u jħabbtu l-laned, nisa li lanqas jafu x’jisimhom jgħollu ż-żraben u xi xebbiet li ntilfu f’dagħdigħa kbira jinsulentaw lil kull Laburist li jgħaddi’. Hekk irrapporta l-ġurnal ‘Il-Ħelsien’.

Il-laqgħa ntemmet u l-affarijiet bħal donnhom ikkalmaw sakemm l-istess qassis reġa’ xewwex fuq li xewwex dwar il-laqgħa tal-Komunisti li seħħet għand Ċikku. Folla mdaqqsa ta’ nies reġgħu nġemgħu bir-ragħwa f’ħalqhom quddiem daru u quddiem il-garaxx fejn kien iħalli t-trakk. Din id-darba t-tgħajjir u l-qrejjen ma kinux biżżejjed. Minn qalb il-miġemgħa għadd ta’ individwi ħattew il-ġebel mill-ħitan tas-sejjieħ ta’ quddiem Ċikku u tefgħuh b’qawwa lejn il-garaxx ta’ Ċikku. Faqgħulu l-bieb tal-garaxx u għamlulu ħsara kbira fit-trakk li fih kien iġorr il-ġebel u anke faqgħulu l-windscreen.

Il-Ħadd filgħaxija fil-knisja taż-Żebbuġ saret ‘quddiesa riparatorja’ kkonċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Ġużeppi Pace ‘biex tagħmel tajjeb għad-dnubiet li saru fil-garaxx ta’ Ċikku’. L-Isqof Pace ta l-interdett lil Ċikku u ħeġġeġ lill-Għawdxin ma jagħtux xogħol lil Ċikku. U hekk sar. Ċikku kellu jbigħ ir-raba’ u l-proprjetà biex jibqa’ jgħajjex il-familja. It-tlett itfal subien li kellu jaħdmu miegħu kellhom jemigraw. Ibnu Peppi u ibnu Wiġi marru lejn il-Kanada u ibnu Vitor telaq lejn l-Amerka.

Ċikku ma felaħx għal din il-kedda. Mhux talli ħadd ma ried iqabbdu xogħol tal-bini, talli kien eskluż kompletament mis-soċjetà Għawdxija.

Ċikku Ta’ Xarrab miet fil-31 ta’ Awwissu 1970 wara martirju ta’ disa’ snin. Ra xortih tinbidel, membri tal-familja jinfirdu, in-negozju tiegħu jisfaxxa. Eroj sieket tal-Partit Laburista tas-Snin Sittin.

Ċikkijiet Ta’ Xarrab il-Partit Laburista għandu ħafna. Dmirna li nfakkruhom. Dmirna li nfakkru mnejn tlaqna. Li qegħdin ingawdu llum ma waqgħax mis-sema.

Nistiednek takkwista kopja tal-ktieb ‘Laburisti tal-Azzar’.

%%%%%%%

Mis-skiet u l-ħemda ta’ lejl Rabti

Is-skiet u l-ħemda tal-lejl ħajjru lil seħibna John Pisani jaqbad il-karozza u jmur dawra. Mill-Mosta affaxxinawh is-swar tal-Imdina u ġibed lejn ir-Rabat. Laqtitu d-dehra ta’ raġel jitrejjaq fil-kwiet fil-kantuniera ta’ Triq Zondadari qabel ma kompla jimxi għal fuq is-sur tal-Imdina. Taħtu lemaħ id-dehra sabiħa ta’ dak li kien l-Istazzjon tal-Ferrovija, taħt is-swar tal-Imdina u taħt l-Imtarfa fuq in-naħa l-oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport