Il-Qorti tiċħad it-talba li kienu nkisrulu d-dirttijiet fundamentali tiegħu
Talba ta’ ksur tad-drittijiet ta’ Liam Debono, li bblokka l-proċess tiegħu dwar l-inċident ta’ hit-and-run li weġġa’ gravi lill-pulizija tat-traffiku Simon Schembri, twaqqfet b’mod definittiv it-Tnejn filgħodu.
Liam Debono qiegħed jistenna biex jgħaddi ġuri dwar każ li kien seħħ f’Mejju tal-2018 meta kien saq Marcedes fuq il-Pulizija Simon Schembri u kawża ta’ dan il-pulizija kien sofra ġrieħi gravi tant li tilef idejh. Debono kien akkużat ukoll li kien saq karozza mingħajr liċenzja. Il-ġrieħi li kien sofra Schembri ammontaw għal 60% diżabbilità permanenti.
Hu kien tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Debono kien ingħata l-libertà proviżorja xhur wara li bdiet il-kumpilazzjoni.
Iżda f’Mejju tal-2019 reġa’ daħal f’aktar problemi hekk kif kellu xi jgħid ma’ uffiċjal tal-pulizija f’Ħal Luqa waqt li kien qiegħed isuq Fiat Uno.
Dwar dan l-aħħar każ hu kien instab ħati tal-inċident u li bih kien kiser projbizzjoni tas-sewqan imposta mill-qorti, kundizzjonijiet ta’ pleġġ u ordnijiet preċedenti tal-qorti.
Huwa kien ikkundannat mill-Qorti tal-Maġistrati għal ħames snin ħabs effettiva, projbizzjoni ta’ sewqan ta’ 10 snin u multa ta’ madwar €60,000.
Kien f’April tal-2021 meta permezz tal-avukati tiegħu Debono fetaħ proċeduri krimnali li d-drittijiet fundamentali tiegħu kien qegħdin jinkisru.
Assistit mill-avukat tal-għajnuna legali, Debono qal li minħabba li l-avukat ta’ fiduċja tiegħu ma riedx jassistih fuq it-tieni każ li kellu, hu spiċċa bid-drittijiet miksurin. Sostna li hu ngħata pubbliċità ħażina ħafna u għalhekk il-każ tiegħu ġie preġudikat bil-konsegwenza li l-ebda avukat ma ried jiddefendih.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili s-sena li għaddiet kienet diġà ċaħdet it-talba ta’ Debono, iżda hu kien appella minn din is-sentenza.
Is-sentenza ingħata mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul fejn sostnew li bl-ebda mod Debono ma kellu d-drittijiet fundamentali tiegħu miksurin.
B’din is-sentenza, issa Debono jista’ jgħaddi ġuri fejn se jiffaċċa diversi akkużi fosthom bl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri.