Friday, April 19, 2024

Il-gvern u l-imsieħba soċjali f’laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Baġit 2022

Aqra wkoll

Bi preparazzjoni għall-Baġit 2022 li, kif tħabbar mill-Prim Ministru, se jsir nhar it-Tnejn, 11 ta’ Ottubru 2021, l-imsieħba soċjali flimkien ippreżentaw il-proposti tagħhom lill-gvern.

Waqt il-preżentazzjoni tagħhom, l-imsieħba soċjali b’mod oġġettiv poġġew għad-diskussjoni l-prijoritajiet tal-industrija, tal-unions u tas-soċjetà ċivili.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Abela qal li minkejja diversi sfidi, l-aktar dik tal-pandemija globali, il-gvern qed jibqa’ jkun ottimist u pożittiv għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-Ministru Abela saħaq fuq l-ambizzjoni ta’ dan il-gvern, li nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li bnejna f’dawn l-aħħar snin – b’hekk il-ħsieb tal-baġit għas-sena d-dieħla se jibqa’ wieħed li jinċentiva t-tkabbir ekonomiku, sabiex il-ġid ikompli jitqassam b’mod ġust.

Il-Ministru stqarr kif meta l-imsieħba soċjali jagħmlu l-proposti tagħhom, dawn ikunu proposti li, filwaqt li jkunu xprunati minn interessi settorjali, fl-istess ħin għandna naraw ukoll kif is-soċjetà b’mod sħiħ tibbenefika minnhom. Xogħol il-gvern huwa li jħares l-interess tal-ġid komuni, li ninkwadraw dak li nirrappreżentaw fil-kunċett ta’ interess nazzjonali, biex il-pajjiż u l-poplu jibqa’ miexi ’l quddiem.

Il-Ministru Abela temm jgħid li filwaqt li l-baġit ikun magħmul minn kollezzjoni ta’ miżuri speċifiċi, huwa xogħol il-gvern u l-imsieħba soċjali li jaraw li l-viżjoni kompluta tkun waħda ta’ medium-to-long-term, u allura l-baġit ta’ kull sena jkun qed iwassalna sabiex nilħqu l-miri tagħna. B’referenza għar-rapporti tal-ħames working groups li twaqqfu, il-Ministru qal li l-għan tagħhom mhuwiex biss li jindirizzaw l-immedjat, imma wkoll li jħarsu lejn il-viżjoni fit-tul, sabiex il-pjani tagħna jkunu verament komprensivi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li pajjiżna, bħall-bqija tal-pajjiżi l-oħra madwar id-dinja, għadu qed jesperjenza l-effetti tal-pandemija, kemm mil-lat ta’ saħħa iżda wkoll mil-lat ekonomiku u finanzjarju. Madanakollu, matul dawn is-sena u disa’ xhur, dan il-gvern ħa deċiżjonijiet li kienu kuraġġużi u ħallew impatt pożittiv, li kien wieħed sinifikanti fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern ma għamilx l-istess żbalji li saru tlettax-il sena ilu waqt ir-riċessjoni finanzjarja. B’mod fiskali, dan il-gvern ma qgħadx jeżita milli jieħu d-deċiżjonijet finanzjarji aggressivi li kien hemm bżonn. Dawn id-deċiżjonijiet wasslu sabiex illum pajjiżna għandu diversi riżultati pożittivi – illum pajjiżna għandu livell ta’ qgħad anqas minn qabel il-pandemija, illum pajjiżna għandu iktar nies jaħdmu fis-suq tax-xogħol minn qabel il-pandemija u kif ukoll illum għandna iktar sidien tan-negozji li qed jistaqsu sabiex iktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Caruana qal li wara li l-gvern irnexxielu jsalva s-suq tax-xogħol, illum pajjiżna jista’ jikkonċentra fuq affarijiet oħra. Il-Ministru elenka tliet aspetti; dak li l-gvern ikompli jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi, dak li f’pajjiżna jkompli l-iżvilupp tal-ekonomija u tkabbir ekonomiku ta’ kwalità, u kif ukoll li l-finanzi tal-pajjiż jiġu kkonsolidati sabiex il-gvern jaħseb għal li jista’ jinqala fil-futur.

Il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern matul il-pandemija kien hemm biex iwieżen lill-familji u lin-negozji għaliex hekk kienu jirrikjedu ċ-ċirkostanzi, fil-baġit li ġej u anke dak ta’ wara dan il-gvern se jkun responsabbli biżżejjed sabiex jibda jnaqqas id-defiċit. Dan hu importanti sabiex dan il-pajjiż mhux biss jirritorna għar-riżorsi li kellu fl-aħħar snin, iżda wkoll biex jekk fiż-żmien li ġej jerġa’ jinqala’ xi avveniment straordinarju ieħor, dan il-pajjiż ikollu r-riżorsi meħtieġa.

Sport