Wednesday, March 27, 2024

“Għall-inqas fl-aħħar fetħet ħalqha l-Għaqda Każini tal-Banda”

Aqra wkoll

“Ninsabu kuntenti li għall-inqas dak li sar f’Ħal Safi u fil-Birgu wassal biex qamet diskussjoni. Konna ilna nsemmgħu leħinna bħala dilettanti iżda donnu ħadd ma kien qed jiċċaqlaq inkluż l-Għaqda Każini tal-Banda. Inħoss li kien tajjeb li l-Eżekuttiv tal-għaqda, wara dak li sar il-Ħadd f’Ħal Safi, tkellmet. Li rridu issa hu li mhux tkellmu u kollox imut fuq ruħ ommu, imma titkompla l-pressjoni biex il-festi jirritornaw fis-sena 2022. Ma nistgħux nibqgħu weqfin”.

Dan kien il-kumment li għaddielna uffiċjal ta’ każini ta’ banda meta mitlub jikkummenta minn dan is-sit dwar l-istqarrija li nħarġet mill-Għaqda Każini tal-Banda.

“Kemm se ndumu nistennew. Kemm se ndumu naraw Paceville u żoni oħra mimli nies bid-distanzi mhux segwiti. Il-festi u l-każini l-aktar li għamlu sagrifiċċji. Ilhom issa kważi sena u nofs għaddejjin bis-sagrifiċċju. Ma nifilħux li dan il-perjodu jitwal aktar għas-sena d-dieħla. Ma nistgħux nibqgħu kulħadd jgħidilna issaportu u stennew”. 

Intant l-Eżekuttiv tal-Għaqda Każini tal-Banda, wara l-baraxx ta kummenti li kien hemm fl-aħħar sigħat fuq dak li seħħ f’Ħal Safi, ħarġet stqarrija.

Hi ddikjarat li “l-Festi huma wirt intanġibbli Nazzjonali. Fejn wara ħidma mill-Għaqda ġiet sottomessa applikazzjoni li qegħda pendenti quddiem il-UNESCO sabiex il-Festa tiġi rikonoxxuti bħala Wirt Intanġibbli dinji tal-UNESCO.  L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tħeġġeġ u tappella lil dawk li għad iridu jiċċelebraw il-festi tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jkomplu jagħmlu dan b’rispett sħiħ lejn id-direttivi u l-miżuri mħabbra dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika”.

Tenniet li “l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda b’dispjaċir tinnota l-miżuri sproporzjonati li qegħdin jittieħdu fil-konfront tas-Soċjetajiet tal-Banda u d-dilettanti tal-festi matul iċ-ċelebrazzjonijiet jew attivitajiet li dawn l-istess Soċjetajiet qegħdin jorganizzaw. Bħala Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda huwa d-dmir tagħna li nkunu minn ta’ quddiem sabiex nissalvagwardjaw dan il-wirt intanġibbli. Għalhekk qegħdin għal darba oħra nitolbu lill-awtoritajiet konċeranti sabiex minn ISSA nibdew diskussjonijiet dwar il-festi 2022 mingħajr dewmien, ħalli mis-sena li ġejja nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi kollha inkluż  dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa.”

Ekonomija

Sport