Friday, November 22, 2024

IL-GWU tkompli tiltaqa’ mal-ħaddiema fiż-żjarat tagħha għal għeluq it-80 sena anniversarju

Diskussi l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fl-industrija marittima u tal-avjazzjoni

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union kompliet iż-żjarat tagħha fuq il-postijiet tax-xogħol bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru t-80 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha. Fit-tieni ġurnata l-amministrazzjoni ċentrali żaret lill-ħaddiema u l-amministrazzjoni tal-Freeport u SR Technics Malta.

L-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kienet akkumpanjata mis-Segretarju responsabbli mit-Taqsima, Sandro Vella hekk kif il-ħaddiema taż-żewġ kumpaniji huma msieħba fil-GWU.

Fl-ewwel laqgħa ġewwa l-Freeport, l-amministrazzjoni tal-Freeport esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-GWU hekk kif dejjem sabitha ta’ spalla u ko-operazzjoni meta kienu għaddejin minn mumenti diffiċli. Il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Alex Montebello qal li llum il-Freeport jinsab f’pożizzjoni aħjar, filwaqt li qed iħares lejn aktar investimenti għall-avvanz. Żied jgħid li l-industrija marittima tinsab għaddeja minn tibdil kbir bħall-bqija tal-industriji biex ikollha l-aħjar standards fejn jidħlu inizjattivi favur l-ambjent.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li jinsab kuntent li jara din il-ħidma kollaborattiva ma’ kumpaniji daqshekk kbar, relazzjonijiet industrijali li jgħallmuk. Qabel mal-fatt li l-Freeport bħal ħafna industriji oħrajn qed jinvestu għall-aħjar soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli. Inizjattivi għall-ġid tal-ħaddiema preżenti u dawk ta’ għada. Żied jgħid li l-GWU lesta tassisti lill-Freeport b’korsijiet li toffri l-Fondazzjoni Reggie Miller, fi ħdan il-GWU, għall-ħaddiema tagħhom, fosthom dawk barranin.

Fit-tieni żjara li saret lill-SR Technics l-amministrazzjoni tal-GWU flimkien ma’ dik ta’ din il-kumpanija li tieħu ħsieb tiswijiet u manutenzjoni tal-ajruplani f’pajjiżna ddiskutew l-importanza tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fis-settur tal-avjazzjoni. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sr Technics qal li huma jemmnu u jaqblu ma’ dawn l-iżviluppi u grazzi għar-relazzjonijiet tajbin fosthom mal-GWU, ikollhom is-support meħtieġ biex ikomplu jinvestu fil-ħaddiema. Infatti stqarr li bħal industriji oħrajn f’Malta, mhux dejjem qed ikun faċli li jsibu ħaddiema bis-snajja’ meħtieġa u għalhekk qegħdin jaħdmu biex ħaddiema bl-esperjenza jkunu qrib dawk li jkunu għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom.

L-amministrazzjoni tal-GWU tenniet is-sodisfazzjon tagħha rigward il-faċilitajiet innovattivi f’pajjiżna kif ukoll għall-kapaċitajiet tal-ħaddiema f’Malta u offriet l-għajnuna tagħha biex tintervjeni fejn dejjem ikun possibbli biex tkun ta’ spalla għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema. 

Fi tmiem il-laqgħa l-amministrazzjoni ta’ SR Technics irregalat kommemorazzjoni lill-GWU tal-għaqda bejn il-kumpanija u l-GWU għal dawn l-aħħar 13-il sena.

Sport