Wednesday, December 18, 2024

Il-kampanja tal-Istrina Bov Piggy Bank tilħaq l-istadju finali

Aqra wkoll

L-edizzjoni tal-Kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank tal-2024, imnedija uffiċjalment fl-aħħar ta’ Ottubru mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, issa daħlet fl-aħħar stadju tagħha. Biex timmarka dan l-istadju, il-President ta’ Malta żaret il-voluntiera li bħalissa qed jgħoddu b’mod metikuli l-kontribuzzjonijiet ġenerużi miġbura mit-tfal minn madwar Malta u Għawdex. Il-President kienet milqugħa ġewwa ċ-Ċentru tal-BOV miċ-Chairman tal-Bank, Dr Gordin Cordina, il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, u Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank nhar it-Tnejn 17 ta’ Diċembru 2024.

Il-kampanja ta’ din is-sena ħadet pass sinifikanti lejn is-sostenibbiltà bl-użu ta’ piggy banks li jistgħu jerġgħu jintużaw. B’hekk qed ikun hemm ħidma biex jonqos l-iskart, filwaqt li tinqanqal kuxjenza ambjentali. Din l-inizjattiva hija konformi mal-impenn tal-Bank of Valletta għall-prinċipji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG).

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia enfasizza l-legat ta’ din il-kampanja, u qal: “Għal 21 sena konsekuttiva, il-Bank of Valletta u l-Malta Community Chest Fund ingħaqdu flimkien għall-Kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank. Matul dan iż-żmien, il-fondi miġbura mit-tfal tal-iskola, flimkien mal-kontribuzzjonijiet tal-Bank, qabżu t-€3 miljuni. Din il-kampanja tirrifletti l-impenn tagħna mhux biss li nappoġġjaw finanzjarjament il-Fondazzjoni, iżda wkoll li nrawmu valuri ta’ altruiżmu, solidarjetà u kura fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Dawn il-fondi għandhom rwol importanti biex jgħinu lill-MCCF itejjeb il-ħajja ta’ dawk fil-bżonn.”

Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank irrimarka dwar it-titjib loġistiku u ambjentali tal-kampanja. “Din is-sena, l-introduzzjoni ta’ piggy banks li jistgħu jerġgħu jintużaw turi l-isforzi kontinwi tagħna biex ngħaqqdu l-appoġġ lejn il-komunità mal-impenn favur is-sostenibbiltà. Permezz tal-involviment tal-istudenti mill-iskejjel primarji u sekondarji kollha, aħna qed ninkorporaw ir-responsabbiltà ambjentali filwaqt li nsostu l-missjoni ewlenija tas-solidarjetà,” huwa qal.

Waqt iż-żjara tagħha fiċ-Ċentru tal-BOV fis-17 ta’ Diċembru biex tiltaqa’ mal-voluntiera, l-E.T. is-Sinjura Myriam Spiteri Debono enfasizzat l-impatt usa’ tal-kampanja, u nnotat li, “Minbarra li tiġbor fondi essenzjali, din l-inizjattiva trawwem il-ġenerożità u l-altruiżmu fit-tfal. B’hekk hija eżempju ħaj taʼ kif att sempliċi ta’ ġenerożita jistaʼ jibni komunitajiet iktar b’saħħithom u jqanqal valuri għal tul il-ħajja”.

Hekk kif il-kampanja tkompli tevolvi taħt il-mandat ta’ diversi Presidenti, tibqa’ soda fl-għan tagħha li tinvolvi ż-żgħażagħ b’mod attiv fil-ħolqien ta’ sens aħjar ta’ komunità u benesseri.

Il-fondi miġbura permezz tal-kampanja, flimkien ma’ donazzjoni sinifikanti mill-Bank ta’ Valletta, se jiġu ppreżentati waqt it-trażmissjoni diretta tal-Istrina fis-26 ta’ Diċembru 2024. Dawn il-fondi jikkontribwixxi għall-missjoni tal-Malta Community Chest Fund li tipprovdi kura ta’ kwalità għal dawk fil-bżonn.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport