Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNAT: “Napprezzaw jekk minflok fjuri jingħataw donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, iħabbar id-dettalji tal-funeral t'ommu

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, ftit tal-ħin ilu ħabbar id-dettalji tal-funeral tal-mamà tiegħu, Frida Grech. Grech stqarr li: “Il-mamà minn dejjem kellha għal qalbha l-ħidma li twettaq id-Dar tal-Providenza u għalhekk, minflok fjuri, napprezzaw jekk jingħataw donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza”.

Huwa ħabbar li ommu se tkun qed tingħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa li ġej, fis-2:30pm, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa.

AKTAR KMIENI: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jħabbar it-telfa ta’ ommu ftit xhur wara dik ta’ missieru

Kien binha, Bernard Grech, li iktar kmieni llum permezz ta’ poeżija qasira fuq il-profil tiegħu tal-midja soċjali, ħabbar it-telfa tal-għażiża ommu Frida fl-età ta’ 92 sena.

Frida Grech, kienet miżżewġa lil John li ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu, proprju fit-18 ta’ Settembru li għadda. Dakinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar dwar il-kuraġġ ta’ missieru li fl-iktar mumenti diffiċli meta kienu jistaqsuh kif kien, hu kien iwieġeb li tajjeb. Huwa qal li baqa’ jgħid li kien tajjeb sal-aħħar, anke f’mumenti fejn bħal donnu kien jaf li kien wasal fit-tmiem.

Bernard Grech sellmilha b’dawn il-kelmiet:

Jintemm l-uġigħ
tibda l-festa tiegħek mal-Mulej
ma’ dak li ħabbejt sew
Issa nħallejt mill-irbit ta’ ġisem dgħajjef
u tista’ ttir bla xkiel

Il-qalb imtaqqla wisq
id-dieqa kbira
Imma kuntent għalik li rġajt ingħaqadt mal-għażiż missieri

Mur ma fis-sliem
u grazzi tal-għożża, mħabba u tagħlimiet
li tajtni f’ħoġortok

Hi se tingħata tislima nhar il-Erbgħa 11 ta’ Jannar, fil-Knisja Parrokjali ta’ Birżebbuġa fis-2:30pm

Ekonomija

Sport