Tuesday, April 30, 2024

Il-Kardinal Mario Grech se jqaddes b’suffraġju għal Papa Emeritu fil-Katidral t’Għawdex

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej fis-6.30 pm fil-Katidral t’Għawdex il-Kardinal Mario Grech se jkun qed iqaddes b’suffraġju tal-Papa emeritu Benedittu XVI. Miegħu se jkun hemm ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

Kien il-Papa Benedittu li ħatar lil Mons. Mario Grech, illum Kardinal u Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, bħala Isqof ta’ Għawdex fis-26 ta’ Novembru 2005, wara li aċċetta r-riżenja minħabba l-età tal-Isqof ta’ qablu Nikol Ġ. Cauchi.

Għalkemm fil-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Gżejjer Maltin fis-17 u t-18 ta’ April 2010 ma żarx il-gżira ta’ Għawdex, fi tmiem il-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana l-Papa Benedittu kien qiegħed Warda tad-Deheb f’riġlejn il-Kwadru mirakoluż u devot tal-Madonna Ta’ Pinu, li ttieħed hemm apposta għall-okkażjoni, u stieden lill-poplu Malti biex isejħilha “Sultana tal-Familja”.

Ta’ min ifakkar ukoll li bejn l-2007 u l-2013, is-sena li fiha rriżenja, il-Papa Benedittu XVI kellu bħala t-tieni Segretarju tiegħu saċerdot mid-Djoċesi ta’ Għawdex: Mons. Alfred Xuereb, li llum hu Nunzju Appostoliku fil-Korea u l-Mongolja.

Sport