Saturday, April 27, 2024

“Mhux nistenna li kollox jindara mal-ewwel… bl-isforz ta’ kulħadd din l-iskema tibda tħalli l-frott fil-ġimgħat li ġejjin”

Il-President Reġjun Lvant Anthony Chircop dwar l-iskema l-ġdida għall-ġbir tal-iskart

Aqra wkoll

Anthony Chircop huwa l-president tar-Reġjun Lvant sa mill-bidu tas-sena li għadha kemm għaddiet. Hu ilu involut fuq bażi lokali għal ħafna snin peress li kien ukoll sindku f’Tas-Sliema. Hu għamel ħidma sfiqa f’din il-lokalità kemm dam fit-tmexxija tal-kunsill għal ħafna snin. 

Sadanittant, ir-Reġjun Lvant huwa kompost minn Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, u Ta’ Xbiex.

Il-ħidma hi waħda kontinwa minħabba li kull raħal għandu l-isfidi partikolari tiegħu. Minkejja kollox, Chircop u t-tim tiegħu jinsabu determinati li jħallu d-differenza f’dawn il-lokalitajiet msemmija.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Anthony Chircop fejn kellimna dwar ir-rwol tiegħu kif ukoll l-isfidi li jiltaqa’ magħhom bħala president ta’ dan ir-reġjun.

“L-ewwelnett għandek realtajiet differenti f’kull raħal. Is-sitwazzjonijiet huma varjati. Għandek irħula kbar bħal Birkirkara (li hu l-ikbar wieħed f’Malta) u oħrajn żgħar bħal Pietà u Ta’ Xbiex li bħal Gżira, l-Imsida, Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke jinsabu mal-kosta u għalhekk ħdejn il-baħar. Għalhekk il-kuntrast hu kbir. Madankollu s-sindki ta’ dawn il-lokalitajiet għandhom għan wieħed. Dak li jaraw aktar ġid fejn huma qed imexxu.”

“Darba f’xahar bħala Reġjun Lvant, għandna obbligu li norganizzaw laqgħa mas-sindki jew rappreżentanti oħrata’ Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, u Ta’ Xbiex u magħhom niddiskutu l-bżonnijiet li għandhom, it-tajjeb li sar, xi proposti u proġetti li se nkunu qed naħdmu għalihom u ħafna iktar. Hu ċans ukoll li niltaqgħu madwar mejda u kulħadd jgħid tiegħu, jiddibatti f’ambjent san u li jħalli ħafna frott.”

Chircop jitkellem dwar diversi proġetti li bdew jiddiskutuhom lejn l-aħħar tas-sena l-oħra sabiex f’dan ix-xahar il-ġdid tal-2023 jibdew jattwaw ċerti proposti li ressqu bħala reġjun. Waħda minn dawn hi proprju l-ġbir tal-iskart li issa se jinbidel u se jiġi wieħed komuni għal-lokalitajiet kollha li jaqgħu taħtha.

“Fl-aħħar snin kellna sitwazzjoni fejn kull kunsill jiddeċiedi l-ħin u l-ġurnata meta jinġabar l-iskart organiku, il-borża s-sewda, il-ħġieġ u l-borża l-griża. Din is-sitwazzjoni se tinbidel minħabba li bħala Reġjun Lvant se jkun hemm xi ħaġa komuni dwar dan is-servizz. Veru li se jkun hemm tibdil drastiku iżda ħsibna li aħjar ikun hemm xi ħaġa l-istess milli kull kunsill ikollu servizzi b’ħinijiet u ġranet differenti.”

F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm kampanja edukattiva fuq il-midja soċjali, fi stazzjonijiet tat-televiżjoni kif ukoll radjijiet li wrew promozzjonijiet u anke taw ħafna informazzjoni dwar din l-iskema li bdiet fit-2 ta’ Jannar li għadda. Dan kollu kien importanti sabiex ir-residenti jbiddlu r-rutina tagħhom. Kif qal Anthony Chircop, hu mhux jistenna li kollox jindara mal-ewwel iżda bl-isforz ta’ kulħadd, din l-iskema tibda tħalli l-frott tagħha fil-ġimgħat li ġejjin.

Anthony Chircop tkellem ukoll dwar skemi li bħala Reġjun Lvant b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali japplikaw għalihom fosthom fondi Ewropej, skemi u anke sapport għall-kultura lokali.

Ftit tal-ġimgħat ilu dan ir-reġjun irċieva aħbar sabiħa hekk kif f’ittra uffiċjali mingħand il-President u Fundatur tal-ACES Europe, Gian Francesco Lupatelli, Reġjun Lvant ġie magħżul bħala r-Reġjun Ewropew għall-Isport 2023.

L-ACES Europe hija assoċjazzjoni volontarja li tiġbor fiha mijiet ta’ bliet u rħula madwar is-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea u torganizza numru ta’ avvenimenti Ewropej filwaqt li tiddikjara bliet, reġjuni, komunitajiet, u gżejjer bħala l-kapitali Ewropej għall-Isport.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li delegazzjoni mill-assoċjazzjoni ACES ġiet Malta fis-sajf li għadda biex tara l-faċilitajiet sportivi fir-Reġjun Lvant u tikkunsidra l-entużjażmu tal-pubbliku għall-applikazzjoni li r-Reġjun għamel. 

Din hi xi ħaġa li Anthony Chircop u l-bqija tas-sindki fi ħdan il-kunsilli lokali rispettivi tagħhom qed jistennew bil-ħerqa.

Iżda x’relazzjoni għandu Chircop ma’ dawn il-kunsilli lokali li jaqgħu taħt ir-Reġjun Lvant? “Għandi relazzjoni tajba ħafna. Aħna niddiskutu pjani, proġetti u anke affarijiet li jinqalgħu. Mhux dejjem naqblu u għalhekk hemm id-dibattitu madwar mejda sabiex kelma ġġib lill-oħra, fl-aħħar mill-aħħar naslu għal konsensus. Nemmen ħafna fl-iskambju ta’ ideat u kuntent li s-sindki kollha għandhom idea komuni dwar kemm iridu ġid lil-lokalita’ li huma jirrappreżentaw u tant iħobbu.

Finalment Anthony Chircop wassal il-messaġġ tiegħu lil dawk ir-residenti li joqogħdu f’Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, u Ta’ Xbiex.

“Ejja niġbdu ħabel wieħed sabiex kollha kemm aħna naraw li nagħmlu ġid għal-lokalitajiet rispettivi. Dawn l-irħula m’huma xejn mingħajr ir-residenti. Nemmen li kapaċi nagħmlu d-differenza jekk kulħadd ikun qed jagħti s-sehem tiegħu.”

 

Sport