Fiż-Żurrieq qed jiżviluppa każ fejn hemm applikazzjoni għal żvilupp ta’ supermarket fi Triq Ħal Millieri, eżatt wara l-pompa tal-petrol fid-daħla taż-Żurrieq li għaliha l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma ħadux pożizzjoni favur il-Kunsill biex joġġezzjona għal proġett propost li jinbena fuq art ODZ, jiġifieri art li hija barra ż-żona ta’ żvilupp.
Il-Kunsill immexxi minn maġġoranza Laburista fiż-Żurrieq qabbad konsulenti biex iħejju l-oġġezzjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni PA/07684/24 li tressqet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbena dan is-supermarket.
Il-konsulenti ressqu rapport dwar din il-binja proposta fuq art ODZ bil-għan li l-Kunsill Lokali jagħmel oġġezzjoni formali għal dan il-proġett ħalli mbagħad jkun jista’ jipparteċipa waqt il-laqgħat tal-Awtorità tal-Ippjanar li jkunu qed jiddiskutu dan il-proġett.
Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista immexxija mill-Minority Leader Kyle Mifsud, jidher li jopponu li ssir l-oġġezzjoni mill-Kunsill Żurrieqi, allegatament billi jgħidu li l-Kunsill għandu jidħol f’diskussjonijiet mal-iżviluppaturi biex jekk ikun il-bżonn, dawn jagħmlu xi tibdiliet għall-pjani tagħhom għall-proġett.
Il-Kunsilliera tal-Partit Laburista ma qablux ma dan u insistew li l-Kunsill għandu joġġezzjona bl-akbar qawwa għal dan il-proġett. Fil-fatt, f’deċiżjoni li ttieħdet f’laqgħa tal-Kunsill, ġie deċiż li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għandu jagħmel oġġezzjoni formali għal dan il-proġett skont ir-rapport li ħejjew il-konsulenti li qabbad il-Kunsill Lokali.
L-allegata pożizzjoni tal-Kunsilliera Nazzjonalisti għal żvilupp f’ODZ jikkuntrasta ma’ pożizzjonijiet li ħadu l-istess kunsilliera, ewlieni fosthom Kyle Mifsud, li joġġezzjonaw għal żviluppi f’żoni fejn, fl-2006, Gvern Nazzjonalista, daħħal fl-iskema tal-bini, anke jekk kienet ODZ, medda kbira ta’ art daqs is-Siġġiewi kollu. Bosta minn dawn l-artijiet, fl-aħħar tmintax il-sena bdew jinbnew filwaqt li hemm eluf ta’ metri kwadri ta’ artijiet li tal-PN daħħluhom fiż-żona tal-iżvilupp li għadhom ma ġewx żviluppati.
Ftit tax-xhur ilu, Deputati u Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalisti marru fuq quddiem nett waqt protesti li saru fiż-Żurrieq partikolarment dawk fin-Nigret u fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Bebbux, fejn art li ddaħħlet fl-iskemi tal-iżvilupp min-Nazzjonalsiti fl-2006, saru applikazzjonijiet dwarhom biex ikunu jistgħu isiru proġetti ta’ bini. Irid wieħed ifakkar li proġetti proposti għal dawn l-inħawi ma kienux qed isiru għal bini f’artijiet ODZ imma f’artijiet li jinsabu fiż-żoni tal-iżvilupp.
Din id-darba fuq propost żvilupp ta’ supermarket f’ODZ, tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq jidher li qed ħasbuha mod ieħor.