Wednesday, December 25, 2024

“Il-kwalità fuq il-kwantità tgħodd ukoll għal Għawdex”- GTA

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) temmen li dan huwa Budget li qed jindirizza l-aspett soċjali tal-pajjiż b’diversi miżuri fosthom tnaqqis fit-taxxa, is-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija, fuels u ċereali, żidiet lid-diversi kategoriji tal-pensjonijiet u benefiċċji soċjali, kif ukoll it-traffiku u l-immigrazzjoni. Barra minn hekk huwa budget li qed jipprova jagħti viżjoni ekonomika għas-snin li ġejjin. 

Il-GTA qalet li l-Budget qed jagħti messaġġi li l-għan ekonomiku tal-pajjiż m’għandux ikun li jiġi ġġenerat il-ġid biss iżda li l-membri tas-soċjetà jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-budget qed jagħmel enfasi sabiex il-pajjiż imur għal iktar kwalità milli għal kwantità. 

“L-istess fit-turiżmu, id-diskors tal-budget jimmira sabiex ikollna żieda fin-nefqa mit-turisti li jiġu jżuruna iktar milli volum akbar ta’ turisti li nattiraw. Il-kwalità fuq il-kwantità tgħodd ukoll għal Għawdex. Għawdex għandu karatteristiċi uniċi li rridu nippreservaw għax dak huwa l-mod kif iżżomm il-valur u s-sostenibbiltà tiegħu, u b’hekk inkunu nistgħu noffru prodott turistiku li jattira turist ta’ kwalità.”

Il-GTA qalet li għalkemm fid-diskors tal-budget jissemma li tkompli tiġi indirizzata l-insularità doppja ta’ Għawdex, u hemm l-impenn li tkun assigurata l-konnettività ta’ Għawdex, ma ssemma xejn dwar pjan għar-raba’ vapur ġdid, jew tiġdid tal-flotta preżenti tal-Gozo Channel inkella dwar tkabbir fl-infrastruttura tal-port tal-Imġarr. 

“Finalment, filwaqt li nilqgħu miżuri favur investiment fir-restawr ta’ siti storiċi u għajnuna biex ikompli jogħla l-livell tal-karnival f’Għawdex, kif ukoll it-tkomplija tal-mużew il-ġdid, il-GTA tħoss li dan il-budget seta’ kellu iktar miżuri li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex,” tenniet il-GTA. 

Ekonomija

Sport