Thursday, April 18, 2024

Il-Maltin l-aktar sodisfatti fl-UE bil-miżuri tal-Gvern dwar l-għoli tal-ħajja

Aqra wkoll

Il-Maltin huma l-aktar fl-Ewropa li jħossu li l-Gvern tal-pajjiż għen biex jilqa’ għall-impatt tal-għoli tal-ħajja. Fil-fatt kienu 66% tal-Maltin li kkonfermaw is-sodisfazzjon tagħhom fi stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Wara Malta, kien hemm il-Lussemburgu u l-Irlanda b’62% u 60% rispettivament.

Min-naħa l-oħra, minn fost l-24 membru stat l-ieħor il-maġġoranza ta’ dawk li ma kinux sodisfatti bil-miżuri meħuda mill-Gvernijiet tagħhom kienu l-aktar fl-Islovakkja segwiti mill-Estonja, il-Greċja u Ċipru.

B’danakollu, fuq livell Ewropew, 93 fil-mija taċ-ċittadini Ewropej fl-istati ewropej huma l-iktar imħassba bl-għoli tal-ħajja u jistennew miżuri addizzjonali mill-UE biex tkun indirizzata din il-kriżi.

L-għoli tal-prezzijiet, inklużi dawk tal-enerġija u l-ikel qed jinħassu fost il-kategoriji kollha socio-demografiċi. It-tieni l-akbar tħassib, li wrew 82 fil-mija ta’ dawk mistħarrġa, hija t-theddia tal-faqar u l-esklużjoni soċjali segwiti mit-tibdil tal-klima u l-firxa tal-gwerra fl-Ukrajna.

Espressjoni oħra li ħarġet mill-istess stħarriġ kienet li ċ-ċittadini filwaqt li saħħew u żiedu l-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni u jaraw bħala ħaga tajba s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE, b’danakollu sostnew l-iskuntentizza tagħhom għall-azzjonijiet meħuda kemm fuq livell nazzjonali u kemm fil-livell Ewropew.

F’dak li jirrigwardja l-qagħda finanzjarja taċ-ċittadin fl-Ewropa, l-istħarriġ sab ukoll li kważi nofs iċ-ċittadini sostnew li l-livell tal-għajxien tagħhom kien diġà tnaqqar drastikament b’konsegwenza tal-pandemija tal-Covid 19 u issa kompla bil-gwerra fl-Ukrajna u l-għoli tal-prezzijiet.

Il-kriżijiet ġeopolitiċi tas-snin li għaddew ikomplu jippreżentaw liċ-ċittadini u lil dawk li jfasslu l-politika bi sfidi profondi. Bl-inflazzjoni fl-ogħla livell f’għexieren ta’ snin, iċ-ċittadini jridu li l-Parlament Ewropew jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Is-saħħa pubblika tibqa’ rilevanti għal ħafna ċittadini kif ukoll azzjoni kontinwa kontra t-tibdil fil-klima. L-appoġġ għall-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda jikklassifika wkoll fost il-prijoritajiet taċ-ċittadini Ewropej.

Ekonomija

Sport