Tuesday, November 26, 2024

Il-MAM tesprimi r-riżervi tagħha dwar it-tneħħija tad-distanza soċjali bejn l-imwejjed fir-ristoranti

Aqra wkoll

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika (MAM) Martin Balzan qal li jaqbel mal-miżura li jekk tidħol f’ristorant trid turi ċ-ċertifikat tal-vaċċin għax fi kliemu biha tilħaq żewġ skopijiet fejn waħda minnhom hija li r-ristoranti se żżommhom miftuħin. Fl-istess waqt huwa esprima r-riżervi tiegħu dwar il-fatt li se tkun qed titneħħa d-distanza soċjali bejn l-imwejjed f’dawn l-istabilimenti.

Huwa qal dan wara li lbieraħ tħabbar li mit-Tnejn li ġej, ristoranti, Snack bars, bars u każini se titneħħielhom r-regola tad-distanza bejn l-imwejjed u b’hekk dawn l-istabbilimenti se jkunu jistgħu jżidu l-klijenti skont kif permess mil-liċenzja tal-post.

Waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali, Balzan qal: “Fejn jiena għandi r-riżervi, mhux qed ngħid li ħażina, dan il-virus jittieħed ħafna. Jiġifieri għalija, id-distanza soċjali speċjalment fuq ġewwa kont inżommha.”

Huwa tkellem dwar dak li jgħidu xjenzati Amerikani fuq ir-ristoranti fejn fost l-oħrajn osservaw il-fatt li kemm jista’ jkun issir id-distanza soċjali.

Waqt l-intervent tiegħu huwa semma każ partikolari ġewwa n-Norveġja fejn sar festin ġewwa ristorant għal 120 persuna. Huwa osserva l-fatt li f’dan il-festin kien hemm wieħed li kellu l-Covid-19 u spiċċaw biex irriżultaw pożittiv għall-virus 80 persuna.

“Jiena nifhem li qamu bilwieqfa u bdew jisfnu wkoll, biex inkunu eżatti. Imma għal dan il-virus li jittieħed ħafna naħseb li d-distanza trid tinżamm. Pero naħseb li l-miżuri huma tajbin u proporzjonati,” qal Balzan.

Sport