Fl-okkażjoni tal-għeluq snin l-eks Prim Ministru ta’ Malta u eks Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Karmenu Mifsud Bonnici, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, sellmu l-memorja tiegħu permezz ta’ tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-monument tiegħu fi Pjazza Kastilja.
Dr Karmenu Mifsud Bonnici serva bħala Mexxej tal-Partit Laburista bejn l-1984 u l-1992 u bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-1984 u l-1987. Tul il-karriera politika tiegħu, huwa kien magħruf għall-impenn qawwi tiegħu lejn il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, il-ħarsien tal-ħaddiema u t-tisħiħ tal-istat soċjali.
Qabel ma sar Prim Ministru, Mifsud Bonnici okkupa diversi karigi ministerjali u ta kontribut importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki li saħħew is-servizzi pubbliċi u tejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
