Malta tappella għal kooperazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha biex tissaħħaħ is-sigurtà

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, ilbieraħ attenda l-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Affarijiet Interni f’Dublin, l-Irlanda. Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-użu tal-politika dwar il-viżi bħala għodda biex tissaħħaħ is-sigurtà interna.

Il-Ministru Bedingfield appella għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi terzi fdati u s-settur privat biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata u tissaħħaħ is-sigurtà tal-Ewropa.

Waqt id-diskussjonijiet dwar is-sigurtà interna u s-sħubijiet internazzjonali, il-Ministru enfasizza li l-kriminalità organizzata qed issir dejjem aktar transnazzjonali u mmexxija mit-teknoloġija, u għalhekk teħtieġ rispons Ewropew koordinat. Huwa rrimarka kif l-organizzazzjonijiet kriminali joperaw f’diversi setturi, b’enfasi partikolari fuq it-traffikar tad-droga u n-netwerks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni irregolari, li jibqgħu jiġġeneraw profitti sostanzjali għan-netwerks kriminali filwaqt li jdgħajfu s-sigurtà tal-fruntieri u jpoġġu persuni vulnerabbli f’riskju.

Il-Ministru saħaq fuq l-importanza li jiġu miġġielda n-netwerks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni irregolari permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni aktar effettiv, ġestjoni aktar b’saħħitha tal-fruntieri u kooperazzjoni eqreb mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, kollaborazzjoni msaħħa permezz tal-Interpol, kif ukoll involviment akbar tas-settur privat sabiex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti fil-qasam tas-sigurtà.

Il-Ministru Bedingfield sostna wkoll it-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi fdati, inkluż l-iskambju ta’ data bijometrika, informazzjoni dwar l-identità u rekords kriminali, ibbażat fuq il-prinċipju tar-reċiproċità, b’salvagwardji robusti għall-protezzjoni tad-data u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali.

Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, il-Ministru appoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi mmirati kontra individwi marbuta ma’ atti ta’ aggressjoni, ksur serju tad-dritt internazzjonali jew azzjonijiet li jheddu s-sigurtà Ewropea. Huwa enfasizza li dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq evidenza konkreta, proporzjonati u suġġetti għal skrutinju politiku mill-Istati Membri.

Matul il-laqgħa, il-Ministru Bedingfield tenna li sħubijiet aktar b’saħħithom, skambju ta’ informazzjoni aktar effettiv u azzjoni koordinata huma essenzjali biex l-Ewropa tibqa’ sigura u ppreparata għall-isfidi tal-futur.

“Netwerks kriminali ma jagħrfux fruntieri, u lanqas m’għandhom jagħrfuhom l-isforzi tagħna biex niġġilduhom. L-Ewropa trid tibqa’ magħquda, proattiva u determinata fid-difiża tas-sigurtà u l-interessi tagħha,” temm jgħid il-Ministru Bedingfield.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport