Saturday, December 21, 2024

“Il-passjoni u l-imħabba lejn il-prodott iktar jagħmel kok tajjeb”

Nicolas Bezzina - Rebbieħ MasterChef Malta 2024

Aqra wkoll

Nicolas Bezzina għadu kemm ġie dikjarat rebbieħ tal-ewwel staġun ta’ MasterChef Malta li kien qed jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali kull nhar ta’ Ħadd.

Bezzina kien qed jikkompeti fis-serata finali flimkien ma’ David Camilleri u Ray George Cassar. It-tliet koki ppreparaw tliet platti b’Nicolas li kellu menu msejjaħ The Culinary Journey. L-ewwel plat kien jikkonsisti f’ravjul mimli bis-salamun, it-tieni platt kien jikkonsisti f’laħam taċ-ċanġa bl-ispinaċi, basal u inbid aħmar. 

Bħala deserta, Nicolas ipprepara orange and Grand Marnier souffle servut b’ġelat taċ-ċikkulata. Eventwalment Nicolas Bezzina, li hu dentist bħala professjoni, rebaħ din il-kompetizzjoni meta impressjona lill-ġurija preżenti.

Fuq il-profil tiegħu fuq Instagram, Nicolas ried juri l-apprezzament tiegħu għal dak li rnexxielu jikseb u fuq kollox irringrazzja lil kulħadd tas-sostenn li sab. Dan il-ġurnal kellem lil Bezzina fejn tana l-kummenti tiegħu wara din ir-rebħa. 

“Ninsab kuntent ħafna li wasalt għal dan it-tragward, Ġaladarba wieħed jasal sal-finali, ikun irid jirbaħ. Kien xewqa tiegħi li saret realta’. Bla dubju li kien hemm nies kapaċi miegħi li kollha ippreparaw platti sbieħ. Meta rajt il-premju javviċina bdejt nagħmel aktar il-kuraġġ u kuntent li wasalt s’hawn.”

Nicolas jgħid li sab għajnuna kbira mill-ġurija hekk kif il-membri tagħha jgħinu lin-nies parteċipanti sew minn wara l-kwinti. Anke l-feedback li ngħataw kien wieħed tajjeb.
“Meta tqis li aħna nies amateurs li nsajru biss għall-gost, tara kif int tista’ tgħolli l-livell kulinarji tiegħek, tgħinek biex tħossok kunfidenti iktar. Eventwalment bdejna nimplimentaw il-pariri li bdew ituna u dan hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija.”

Meta saqsejnih jekk hu jaħdimx fil-qasam kulinarju, b’sorpriża għalina, Nicolas qalilna li hu jaħdem bħala dentist, xogħol kompletament differenti minn dak li konna mdorrijin narawh fuq is-sett tat-televiżjoni.
“Il-kċina nħobbha ħafna. Jien għalija l-weekend breaks ideali huma li noqgħod inqatta’ ġurnata nsajjar. Meta nkun fil-kċina, inkun qisni l-ġenna. Dak hu l-ispazju tiegħi u meta jkolli ftit ħin liberu nara kif nagħmel u nqattgħu hemm.

Iżda skont Nicolas x’inhu s-sigriet ta’ kollox? Li tkun kok tajjeb jew inkella li jkollok platt tajjeb b’ingredjenti tajbin?

“Jien naħseb li f’dan l-istadju l-passjoni u l-imħabba lejn il-prodott iktar jagħmel kok tajjeb. Hemmhekk tinduna li l-platt ikun sar u jiġi tajjeb.”

Nicolas Bezzina jgħidilna li darb’oħra jitħajjar jieħu sehem f’MasterChef Malta għax ammetta li għamel ħafna ħbieb u din l-eperjenza ma jbiddilha ma’ xejn.

Finalment xtaqna lil Bezzina sabiex jagħti r-ringrazzjamenti tiegħu lil dawk li għenuh jasal għal dan il-pass.

“L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lit-tim tal-produzzjoni għax MasterChef Malta kienet ħolma għalija li saret realta’. Kont narah fit-televiżjoni Ingliża u minn dejjem xtaqt li dan isir f’pajjiżna. Nirringrazzja wkoll lil ommi li ndukratni bl-imħabba lejn it-tisjir. Dan is-sapport li sibt tani ħafna kuraġġ biex jien dak li jien illum.

Ekonomija

Sport