Il-persuna li għamlet l-att erojku f’Tas-Sliema lbieraħ biex salvat persuna minn ħalq il-mewt għandha tingħata rikonoxximent għall-qlubija murija.
Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali. Abela qal li se jkun qed jara li dan isir fil-mument opportun u addattat.
Huwa kien qed jikkummenta wara li lbieraħ filgħaxija membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu biex jassistu f’salvataġġ ta’ Libyan ta’ 37 sena u ġuvni ta’ 14-il sena miċ-Ċina li sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar f’Tas-Sliema. Kien Malti ta’ 33 sena li qabeż f’baħar imqalleb u li wettaq dan l-att erojku.
Il-Prim Ministru qal: “M’għandiex dubju li m’hemm xejn isbaħ mis-sodisfazzjon li salva ħajja. Iżda, bħala soċjetà rridu nirrikonoxxu nies bħal dawn.”
Ara iktar: Aġġornat: Jaqbeż f’baħar imqalleb u jsalva persuna mill-għarqa f’Tas-Sliema