Thursday, March 28, 2024

DISTANZA MILL-EWROPA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Niftakar kemm dawk li riedu jdaħħlu lil Malta akkost ta’ kollox membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea kienu jsostni li b’dal-pass, il-politika Maltija tiġi mlaqqma bil-valuri tal-Unjoni u b’hekk taddotta l-perspettivi Ewropej.

Illum, aktar minn ħmistax-il sena wara, hi ħaġa diffiċli tagħraf xi perspettiva “Ewropea” f’li jgħidu gvern u oppożizzjoni. L-Unjoni tissemma l-aktar meta ssir tħabbira ta’ xi fondi li se jinġabu minn hemm, jew meta jkollu jiġi spjegat lill-poplu li linja politika ma tistax titħaddem għax tmur kontra r-regoli tal-Unjoni.

Mill-bqija…

***

“PICNIC AREA”

Nieħu qatgħa kbira kull meta nisma’ li xi biċċa art x’aktarx “ħadra” se tiġi konvertita minn xi awtorità jew oħra għal hekk imsejħa “picnic area” u dan għall-akbar benefiċċju tal-poplu.

Għax x’ġeneralment jiġri? Parti sostanzjali minn dil-biċċa art tinbidel f’żona mdaqqsa għall-parkeġġ u parti oħra f’mogħdijiet tal-konkrit. Lil hemm u lil hawn jitħawlu siġar li jkunu mistennija jikbru, u qribhom jiġu ppustjati bankijiet.

Għall-bidu, l-post ikun popolari u malajr jimtela’ b’bottijiet, fliexken, karti u mbarazz li jitħallew mal-art kullimkien jew jinġemgħu f’tankijiet mal-ġenb. Il-ħaxix jitgħaffeġ u s-siġar ftit donnhom jieħdu r-ruħ.

Il-post jibda jsir żdingat, pjuttost maħmuġ. Ftit iżuruh biex jagħmlu “picnic”. L-aktar li jiddellettaw bih ikunu l-qtates maħruba. Filgħaxija, jieħdu d-drawwa tal-qtates karattri dubjużi, b’uħud minnhom interessati sew f’negozji li sa issa mhumiex leċiti, għax l-hekk imsejħa “picnic area” tipprovdi faċilitajiet siewja għalihom.

***

BIEX JIFTEHMU…

Barra milli se jkun bla preċedent, ftehim ta’ gvern bejn is-soċjalisti, il-ħodor u l-liberali fil-Ġermanja wara l-aħħar elezzjonijiet hemmhekk bilfors jiltaqa’ ma’ ħafna intoppi, mhux l-anqas fil-qasam tal-finanzi.

U dan mhux biss għax hemm kompetizzjoni sfiqa għal min se jkun il-ministru tal-finanzi li jmiss.

Il-ħodor, iffokati kif inhuma fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni serja dwar il-klima lesti jonfqu ħafna biex dan jiġri, iżidu t-taxxi fuq setturi li “joħolqu” s-sħana, taxxi ġodda fuq il-ġid tas-sinjuri ħalli jkun hemm aktar fondi biex isiru l-investimenti meħtieġa, u ftit jimportahom jekk id-deficit tal-gvern jiżdiedx jew le. 

Il-liberali jridu fuq kollox li l-finanzi tal-gvern jerġgħu ikunu bilanċjati u josservaw ir-regoli taż-żona tal-ewro dwar deficits, liema regoli huma ma jridux li jinbidlu. Huma kontra taxxi ġodda fuq il-ġid u fuq industriji li jimpjegaw ħafna nies, anke jekk iħammġu u jsaħħnu l-ambjent.

Is-soċjalisti, li huma mmexxija minn dak li kien il-ministru tal-finanzi ta’ Merkel, jridu jidhru ħodor daqs il-ħodor, ma jridux ikabbru d-deficit, huma kawti dwar taxxi ġodda, imma lesti jiddiskutu l-illaxkar tar-regoli budgetarji taż-żona tal-ewro.  

Ekonomija

Sport