Sunday, December 22, 2024

Il-PM jerġa’ jikteb lill-Prim Imħallef dwar il-każ Sofia … jitlob għal konklużjoni mingħajr aktar dewmien

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti fejn tennielu l-appell tal-Parlament li każi bħal dak ta’ Jean Paul Sofia jingħataw prijorità assoluta biex jintbagħat messaġġ ċar fis-soċjetà li inċidenti bħal dawn mhumiex aċċettabbli u li kulħadd għandu jwieġeb għal għemilu.

Il-Prim Ministru kiteb din l-ittra lill-Prim Imħallef fil-kuntest li l-Erbgħa li għadda, m’għaddietx il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li ssejjaħ għall-ħatra ta’ bord ta’ inkjesta dwar il-mewt ta’ Sofia, iżda għaddiet kif emendata mill-Gvern li tħeġġeġ biex tkun konkluża l-inkjesta maġisterjali. 

Il-PM saħaq li l-Parlament ingħaqad fl-appell biex fl-eżerċizzju tas-setgħat u l-prerogattivi tal-Prim Imħallef, tiġi żgurata li din l-inkjesta tiġi konkluża biex il-kors tal-ġustizzja jimxi ‘l quddiem u kull min huwa responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja.

Huwa qal li llum it-terminu statutorju li fih għandha tingħalaq inkjesta skont il-Kodiċi Kriminali (60 jum) skada bil-bosta u huwa ta’ tħassib għall-Gvern u għall-Parlament illi minkejja dan, ma hemm ebda indikazzjoni pubblika li din l-inkjesta qiegħda tingħata prijorità.

“Nifhem bis-sħiħ l-eżiġenzi tax-xogħol tal-ġudikatura però jidhirli wkoll li anke tenut kont ta’ dawk l-eżiġenzi għandha tintwera l-akbar sensittività għal każijiet bħal dawn,” qal il-Prim Ministru. 

“Mingħajr ma rrid l-ebda mod nonqos mir-rispett lejk u lejn il-Ġudikatura kollha, jiena ma nistax inwarrab dmiri bħala Prim Ministru u qiegħed nitolbok għalhekk biex tissoleċita lill-Maġistrat inkwerenti biex tagħmel ġustizzja mal-gravità tal-każ u tasal għall-konklużjonijiet tagħha u tagħlaq l-inkjesta mingħajr aktar dewmien,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

Il-ġenituri ta’ Sofia jitolbu kumpens

Sadanittant, fl-aħħar sigħat ġie rrapportat li l-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għamlu talba għal kumpens għall-mewt ta’ binhom li seħħet seba’ xhur ilu. It-talba għal kumpens saret permezz ta’ ittra ġudizzjara li ġiet ippreżentata fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra dawk involuti fil-proġett.

Ekonomija

Sport