F’laqgħa ma’ mexxejja ta’ tnax-il Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jsiru r-riformi neċessarji li jagħtu lill-Istati Membri l-għodod kollha meħtieġa sabiex jittrattaw din l-isfida. Huwa qal li din il-ħidma hija kruċjali sabiex tingħata l-protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu, iżda jiġi assigurat li dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu jistgħu jiġi rritornati b’mod effettiv.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti wara din il-laqgħa, il-Prim Ministru spjega li għaddejja ħidma importanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jeżistu fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, u faħħar l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Dr Abela stqarr ukoll li hemm qbil li din il-ħidma trid tkun ikkumplimentata minn diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ riforma fil-Konvenzjonijiet Ewropej sabiex jirriflettu r-realtajiet tal-lum.
Fil-fatt, matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru ressaq proposta sabiex din id-diskussjoni kruċjali tkun riflessa fil-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li tibda f’Mejju li ġej, u spjega wkoll li din l-idea intlaqgħet b’interess.
Intant, il-Prim Ministru rrimarka kif l-attendenza minn mexxejja Ewropej għal-laqgħat ta’ dan il-Grupp, dejjem qed tkompli tikber u din turi kif ir-realtà tal-migrazzjoni hija waħda ħajja u li tinvolvi ħidma kontinwa.
“Infakkar kif snin ilu konna wieħed minn ftit pajjiżi biss li konna nitkellmu fuq dan is-suġġett. Il-fatt li l-wasliet ġo pajjiżna naqsu drastikament ma jfissirx li l-pressjonijiet m’għadhomx hemm imma jfisser li għandna għarfien akbar ta’ kif nitrattaw dan is-suġġett,” tenna l-Prim Ministru.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru temm jgħid li l-Unjoni Ewropea trid tieħu din l-opportunità li tissimplifika l-proċeduri tar-ritorn u taqta’ l-abbużi li jistgħu jwasslu għal piżijiet kbar fuq pajjiżi bħal Malta.