Monday, December 23, 2024

IL-PN JIVVOTA KONTRA RIŻOLUZZJONI DWAR IL-WMB

Aqra wkoll

Il-Membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika vvotaw kontra riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern biex jiġi aġġornat il-kuntratt tal-bini tal-Workers’ Memorial Building.

Il-Gvern qed jitlob li jiġi aġġornat dan il-kuntratt wara li kien hemm deċiżjoni tal-Qorti illi stabbiliet li l-GWU għandha tibqa’ topera minn din il-binja. Ġie propost li t-tneħħija ta’ parti mill-kundizzjoni ta’ kuntratt emfitewtiku tal-1997 kellha tintlaqa’ a favur ta’ kumpens monetarju mingħand l-unjin lill-Gvern ta’ Malta ta’ kważi €2 miljun.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni kkunsidrat din ir-riżoluzzjoni però fiha qed ikun mitlub tibdil fil-kundizzjoni oriġinali ta’ kuntratt li ngħata fl-1997.

Huwa qal li dak li qed jittanta jagħmel il-Gvern billi jressaq din ir-riżoluzzjoni hi sabiex fi kliemu “induru dawra tond” ma’ allegat ksur ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk sostna li l-Oppożizzjoni kkunsidrat dan u l-fatt li kien il-PN stess anka b’konsistenza mad-deċiżjonijiet li ħa u għadu jemmen fihom, li se jivvutaw kontra din ir-riżoluzzjoni kif proposta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li ma jinsabx sorpriż bil-pożizzjoni li qiegħda tieħu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq din ir-riżoluzzjoni.

Huwa semma kif id-Deputati Nazzjonalisti mmexxija mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kienu ressqu kawża biex il-binja tal-Workers’ Memorial Building tittieħed minn idejn il-GWU.

Innota li f’din ir-riżoluzzjoni qiegħda titwessa’ t-tip ta’ kummerċjalizzazzjoni li diġà hija eżistenti, tirrijafferma l-partijiet li jistgħu jintużaw biss għal skop ta’ trejdunjoniżmu u konsegwenza ta’ hekk il-GWU se tkun qiegħda tħallas somma li ġiet kalkolata b’valutazzjoni.

“U dan ġaladarba l-Qorti ma keċċietx il-GWU kif riedet il-kawża mressqa mill-PN, aħna qed ngħidu li jekk kien hemm bżonn li dan il-kuntratt jiġi aġġornat, jiġi aġġornat bi ħlas sostanzjali. Niskanta kif min ried ikeċċi l-GWU mill-binja tagħha qed tieħu din il-pożizzjoni,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Wara ttieħed vot fejn il-Membri tal-Gvern – id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia – ivvutaw favur ir-riżoluzzjoni kif imressqa mill-Ministru Zrinzo Azzopardi f’isem il-Gvern filwaqt li d-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott u Stanley Zammit ivvutaw kontra.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, qal li r-riżoluzzjoni għaddiet iżda għalkemm mhux b’mod unanimu, ikun jeħtieġ li titpoġġa quddiem l-aġenda plenarja ta’ din il-Kamra.

Preżenti għal din is-seduta kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

1 kumment

  1. Il pn dejjem kien kontra l aghqdiet tal haddiema.Mit twaqqif tieghu.Tinsewx li dan huwa il partit ta avukati.IL lum il pn ghandu mexxej li dikjara li jaqla €6000 fis sena u jixtri villa l Mosta.U liskola ta lingliz ta birzebbuga ta min hija.

Comments are closed.

Sport