Wednesday, December 25, 2024

“Il-poplu jemmen fina, iżda b’verżjoni differenti”

- Il-Prim Ministru Dr Robert Abela

Aqra wkoll

“Din kienet rebħa b’messaġġ b’saħħtu”. Hemm stqarr il-Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq One TV. Hu kompla jgħid li “l-poplu jemmen fina, iżda b’verżjoni differenti.”

Il-Prim Ministru saħaq li hemm diversi deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu u hu l-ewwel wieħed għandu r-rieda li jieħu dawn id-deċiżjonijiet.

Dr Abela qal li wara l-intervista kien se jmur għal laqgħa fejn se jkun hemm l-Eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari flimkien fejn se ssir mistoqsija ċara “hemm ir-rieda li dan il-messaġġ b’saħħtu li wassal il-poplu nimplimentawh u nieħdu d-deċiżjonijiet li l-poplu qed jistenna mingħandha?”

Il-Prim Ministru qal li l-poplu reġa’ wera li għandha fiduċja fil-Partit Laburista, iżda “nkunu qegħdin indeffsu rasna fir-ramel u ngħidu jekk ma nammettux li l-poplu għadda messaġġ.” Dr Abela qal li se jagħti każ il-messaġġ li ta l-poplu nhar is-Sibt li għadda u se jkun qiegħed jimplimenta l-bidliet li hemm bżonn.

Waqt l-intervista l-Prim Ministru semma d-diversi riformi li saru minn meta ħa t-tmexxija tal-Gvern f’idejh u sostna li “fil-fatt fl-2022 il-poplu rikonoxxa dan kollu għax ta l-akbar mandatt elettorali li qatt ta lil xi partit.”

Semma r-riforma fil-kosturzzjoni fejn saħaq li saru rifomi f’dan is-settur li qatt qabel ma saru bħalhom, iżda fl-istess ħin staqsa dawn kienu biżejjed?

Il-Mexxej Laburista qal li tema oħra li ħarġet mill-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li għadda kienet kemm “aħna verament sensittivi meta n-nies jiġu għadna…” Staqsa qed nagħmlu l-almu tagħna kollu biex ngħinu lin-nies jew inkella dan l-impenn qiegħed jurih kulħadd?

Dr Abela wissa lil kull min qiegħed fl-istrutturi tal-Gvern li jrid jifhem li qiegħed hemm għas-servizz tal-poplu u biex lill-poplu nservuh, “inkella postok mhux hemm” filwaqt li saħaq li “issa jew kulħadd jiġbed l-istess ħabel li qegħdin niġbdu aħna jew inkella …”

Irrefera għal MEP Elett Thomas Bajada fejn qal li dan qabad messaġġ li l-poplu jemmen fih u kif mexxa l-kampanja fil-ftit ġimgħat li kellu ma waqafx jisma lin-nies u “r-riżultat jitkellem waħdu għax ġab eluf ta’ voti”.

Waqt l-istess intervista ġie mistoqsi dwar jekk hux se jkun qiegħed jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu. Hawn il-Prim Ministru qal li dan il-vot jintalab minn politiku li jinduna li żmienu jkun spiċċa fil-politika, iżda hu baqalu l-ħeġġa u r-rieda li jmexxi lil dan il-pajjiż u jibqa’ jisma l-esperjenza tal-poplu biex fuqhom jibni l-politika tal-Gvern.

Mistoqsi dwar l-iskop tal-laqgħa konġunta bejn il-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr Abela qal li l-iskop hu biex niddiskutu l-futur tal-Partit u anke tal-pajjiż. “Il-Partit Laburista għandu jibqa’ r-raġġ tad-dawl favur is-sewwa. U l-poplu fdana għax konna dejjem fuq in-naħa tas-sewwa,” temm jgħid il-Prim Ministru Dr Robert Abela.

Ekonomija

Sport