Fil-jiem li għaddew, il-LESA, fost entitajiet oħra, rebħu l-premju prestiġjuż tal-Premju tal-President waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjijiet għas-Servizz Pubbliku, biex jonora x-xogħol iebes tagħhom matul il-Maltempata ‘Harry’.
Intant, dan il-ġurnal tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, li qasam magħna xi ħsibijiet, fosthom dawk ta’ ringrazzjament.
“Dan ir-rikonoxximent ifisser ħafna għalina lkoll, iżda fuq kollox huwa riflessjoni tal-impenn, u s-sagrifiċċju tal-uffiċjali kollha li kienu xogħol fuq barra, kif ukoll għall-membri oħra li jkunu qed jaħdmu minn wara l-kwinti, fostom il-Kamra tal-Kontroll. Kien mument fejn il-kundizzjonijiet kienu diffiċli u imprevedibbli, iżda x-xogħol twettaq b’dedikazzjoni sħiħa lejn is-sigurtà tal-pubbliku u s-servizz lejn il-komunità.”
“Il-President’s Award ma narawhx biss bħala unur, iżda bħala rikonoxximent tal-valur tas-servizz pubbliku u tal-ħidma kollettiva, fejn kulħadd jagħti s-sehem tiegħu. Huwa wkoll motivazzjoni biex inkomplu ntejbu l-operat tagħna u nżommu l-istess livell ta’ impenn f’sitwazzjonijiet li jeħtieġu rispons immedjat u koordinat.”
“Nixtiequ nenfasizzaw li dan is-suċċess ma kienx ta’ individwu wieħed, iżda r-riżultat ta’ ħidma f’tim, koordinazzjoni effettiva ma’ entitajiet oħra, u sens qawwi ta’ responsabbiltà lejn iċ-ċittadini.”



