Waqt li kien qiegħed jindrizza konferenza tal-aħbarijiet fi tnieda konsultazzjoni pubblika ta’ xahar dwar riforma fil-proċess tal-appelli fl-ippjanar, li se tintroduċi sospensjoni awtomatika tal-permessi meta jitressaq appell, il-Prim Ministru għamel apoloġija lil dawk kollha li sfaw mingħajr elettriku fl-aħħar sigħat.
Il-Prim Ministru beda billi qal li ried pubblikament jirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu f’ċirkostanzi illi mhuma faċli xejn, ta’ temperaturi li jeċċedu l-40 grad.
Tenna li mill-2022/23, sar investiment kbir fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl liema investiment sal-għeluq tas-sena li għaddiet kien ilaħħaq il-161 miljun ewro.
“Investejna f’mijiet ta’ substations ġodda, distribution centres u fil-bdil ta’ ħafna cables tad-dawl… Fadal ħafna iżjed xi jsir. Għadna ma wasalniex biex nibdlu sistema ta’ cabling ta’ mijiet ta’ kilometri li teħtieġ li tinbidel,” stqarr il-Prim Ministru Abela.
Dr Abela qal li l-effetti l-effetti tal-bidla klimatika qed jidhru, temperaturi dejjem aktar elevati…b’temperaturi elevati li jdumu fuq medda ta’ ġranet.
Il-Prim Minsitru ċċara li mhijiex kwistjoni ta’ ġenerazzjoni tal-kurrent elettriku. “Għandna biżżejjed kapaċità produttiva tal-kurrent elettriku li se nkomplu nsaħħuha għeluq din is-sena bl-installazzjoni tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija,” kompla jgħid Dr Abela.
Stqarr li s-sitwazzjoni nqalgħet fid-distribuzzjoni, fl-arterji li jwasslu l-kurrent elettriku fid-djar tagħna, fejn ġew esperjenzati numru ta’ ħsarat. “F’żoni fejn kellna konċentrazzjonijiet fejn diġà saru ħafna xogħlijiet, ir-riżultati kienu tajbin. F’dawn iż-żoni li jeħtieġu li jsiru xogħlijiet, ir-riżultati kienu inqas tajbin,” kompla jgħid il-Prim Ministru Dr Abela.
“Huwa ċar li dak ix-xogħlijiet li saru ħallew impatt li kien wieħed pożittiv. Fejn għad ma sarux ix-xogħlijiet, nagħti impenn li r-rata li biha saru x-xogħlijiet trid tiġi aċċellerata,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
