Xogħlijiet li se jagħtu dehra isbaħ u serħan il-moħħ lir-residenti fi Triq A.M. Valperga fil-Fgura

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul u s-Sindku tal-Fgura Clayton Cascun Portelli, żaru ix-xogħlijiet li għaddejjin fi Triq A.M. Valperga fil-Fgura.

“Din il-ġimgħa bdejna l-impenji tagħna hawnhekk f’din it-triq fejn Infrastructure Malta qed twettaq il-funzjoni tagħha biex ikun assigurat mhux biss l-aspett tas-servizzi imma wkoll is-sigurtà neċessarja għar-residenti f’din l-akwata,” qal il-Ministru Attard.

Bħala parti minn dan il-proġett, saret il-kostruzzjoni ta’ triq ġdida mill-bidu nett. Sabiex l-intervent jintegra aħjar mal-ambjent rurali tal-madwar, il-faċċata tal-blokki li tagħti lejn l-għelieqi ġiet miksija b’qoxra ta’ ġebla Maltija inkorporata fil-kostruzzjoni, biex tikkumplimenta l-karattru tradizzjonali tal-inħawi u l-ħitan tas-sejjieħ eżistenti fil-viċinanzi.

Il-proġett jinkludi wkoll xogħlijiet infrastrutturali estensivi, fosthom il-kostruzzjoni ta’ main ġdid tal-ilma, it-tibdil u l-aġġornament tas-sistema tad-drenaġġ, il-bini ta’ parking bays tal-konkos, kif ukoll ir-rikostruzzjoni tal-bankini eżistenti.

“Minħabba li parti mit-triq ġiet reċentement iffurmata, kien meħtieġ li l-kostruzzjoni tagħha ssir b’attenzjoni partikolari għall-kwalità, is-sigurtà u s-servizzi meħtieġa għar-residenti u dawk li jagħmlu użu minn din it-triq”, qal il-Ministru Attard.

Il-Perit ta’ Infrastructure Malta Luke Bartolo spjega li din it-triq li kienet skedata issa qed tinbena mill-ġdid minħabba sitwazzjoni ta’ diżlivell.


Is-Sindku tal-Fgura Clayton Cascun Portelli faħħar lil dawk kollha involuti f’dawn ix-xogħlijiet li mhux biss jinkludu servizzi ġodda imma saħansitra wiċċ ġdid. “Nirringrazzja lill-Ministeru, lil Infrastructure Malta, lill-Periti u lill-ħaddiema kollha involuti f’dan il-proġett li minnu se jkunu qegħdin igawdu ferm ir-residenti tagħna”, temm jgħid is-Sindku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport