Fid-diskors tiegħu ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tinfetaħ diskussjoni mal-imsieħba soċjali dwar id-dritt li ħaddiema jkunu jistgħu jitolbu lill-employers tagħhom biex jikkunsidraw jaqilbuhom fuq remote working, flexi-time, jew compressed week. Dawk in-negozji li jaċċettaw se jingħataw l-għajnuna fuq kull ħaddiema li jeqilbu remote. Għal dan il-għan tingħata għajnuna lil min iħaddem u jilqa’ din it-talba.
Quddiem folla kbira ta’ nies li nġabret fi Pjazza Kastilja għall-mass meeting tal-Ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru ħabbar aktar proposti li qed iressaq ’il quddiem il-Partit Laburista, liema proposti se jkomplu jibnu fuq il-ħafna tajjeb li twettaq diġà. “Fadal ħafna u ħafna aktar u fis-sigħat li ġejjin se tifhmuni aħjar,” tenna Dr Abela.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħabbar li se jitnieda l-Individual Learning Accounts fejn il-Gvern jiftaħ fond għal kull tifel u tifla f’pajjiżna u jikkontribwixxi ħames mitt ewro (€500) fis-sena għal għaxar snin. Dawn il-fondi se jkunu jistgħu jintużaw biex ikopru sa massimu ta’ ħamest’elef ewro (€5,000) tal-ispiża relatata ma’ korsijiet edukattivi, taħriġ akkreditat u inizjattivi ta’ upskilling. Dawn il-fondi jkunu aċċessibli mat-tmiem tal-perkors edukattiv tal-persuna. Pereżempju, jekk persuna gradwat u trid tagħmel kors biex itejjeb iktar il-ħiliet tuża l-account, jew jekk persuna spiċċat mill-MCAST u trid tagħmel taħriġ speċjalizzat tuża l-account, dan fost diversi eżempji oħra.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li wara li f’din il-leġiżlatura l-eks membri tal-korpi dixxiplinati li jieħdu pensjoni tas-servizz u ma jaħdmux bdew jingħataw iż-żieda tal-għoli tal-ħajja kull sena, fil-leġiżlatura li jmiss l-eks membri tal-korpi dixxiplinati kollha se jibdew jingħataw żieda li tkun ekwivalenti għaż-żieda kollha li tiżdied biha l-pensjoni. Fil-leġiżlatura li jmiss l-eks membri tal-korpi dixxiplinati kollha se jibdew jingħataw żieda li tkun ekwivalenti għaż-żieda kollha li tiżdied biha l-pensjoni.
Il-Prim Ministru semma wkoll proposta oħra fejn persuni li jaħdmu part-time u jħallsu taxxa bl-10% se jkollhom dik ir-rata tapplika mhux aktar fuq l-ewwel għaxart’elef ewro (€10,000) imma sal-ewwel ħmistax-il elf (€15,000) fis-sena, u għal min hu part-time self-employed ser jitla’ minn tnax-il elf (€12,000) għal għoxrin elf (€20,000) fis-sena.
“Għalhekk miegħek f’kull pass. Dan hu mod ġdid. Politika ekonomika progressiva li ssostni l-bidla u ssostnik f’kull pass li tagħmel f’ħajtek. Li twassal. Li ssostni. Għax dak li ksibna aħna mhux biss irridu niggarantuh imma rridu li jkun il-bażi ta’ aktar u aktar kisbiet,” tenna l-Prim Ministru.
Pajjiż li jibqa’ jikber u jissaħħaħ
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-1 ta’ Mejju hi festa għażiż għall-moviment Laburista. “Illum aħna nazzjon kburi, b’ekonomija mal-aqwa fl-Ewropa. In-nazzjon bl-aqwa rata ta’ impjiegi fl-istorja ta’ Ewropa magħquda. B’finanzi tal-pajjiż fis-sod. Pajjiż li mhux jogħtor ma’ kull kriżi imma jibqa’ jissaħħaħ u jikber.”
Huwa nnota li filwaqt li ħaddieħor kien jgħid li “Labour won’t work”, illum ninsabu l-aqwa fl-Ewropa fil-ħolqien tax-xogħol. Tenna li “xogħolkom huwa li tressqu l-ħolm tagħkom lejna u aħna xogħolna huwa li dak il-ħolm, inwettquh. Dik hi l-garanzija li jien nagħtikom.”
Dr Abela qal li l-pjan li qed iressaq quddiem il-poplu huwa differenti minn dak ta’ qabel. Mhux biss proposti maħsuba u costed imma wkoll 25 mira li ma’ kull waħda se jkun qed jitkejjel il-progress.
Kien hawn fejn semma l-ħemel ta’ miżuri li tħabbru matul din il-ġimgħa, fl-ewwel jiem ta’ din il-kampanja elettorali, fosthom dawk intiżi li jgħinu biex aktar żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom.
Qal li Gvern Laburista ġdid liż-żgħażagħ se jneħħilhom it-taxxa tad-dħul għall-ewwel tliet snin minn meta jibdew jaħdmu, fuq l-ewwel €30,000 ta’ kull sena. Din se tfisser li żagħżugħ/a se tiffranka €12,300 fuq medda ta’ tliet snin.
Ma’ dawn hemm ukoll l-iskema ġdida fejn il-Gvenr se jidħol hu għal kwart tal-valur ta’ proprjetà tal-first time buyers. Li dan se jfisser għexieren ta’ eluf ta’ ewro li se jkunu ffrankati minn imgħaxijiet fuqi il-loan.
Huwa tkellem ukoll dwar iż-żieda proposta fil-leave tal-maternità minn 18-il ġimgħa għal 26 ġimgħa u ż-żieda fil-leave tal-paternità, minn ġimagħtejn għal xahar. Dan apparti ż-żieda mħabbra fil-pensjonijiet u ż-żieda fl-istipendji.
Il-Prim Ministru temm jgħid li “aħna se nibqgħu l-garanzija tagħkom. Intom se tmorru tajjeb u se twettqu flimkien affarijiet kbar. Quddiemna ġejjin suċċessi kbar. Malta tagħkom. Bi kburija ejja ngħajtu flimkien ‘Aħna Malta.’ Il-ħolma tagħkom. Il-proġett tagħna.”


